Karol Aquilina, PN
Meta kien qed jagħlaq id-dibattitu parlamentari dwar il-mozzjoni tal-PN dwar dwar SLAPP, ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Karol Aquilina qal li l-gvern jibża’ mill-ġurnalisti, jarhom bħala għadu, ma jridhomx jagħmlu xogħol u jinvestigaw, ifixkluhom u ma jweġbux id-domandi tagħhom waqt li l-PN hu favur li l-ġurnalisti jingħataw kull opportunità li jagħmlu xogħolhom, li l-informazzjoni tkun pubblika, li l-ministri jwieġbu l-mistoqsijiet bil-fatti u li l-ġurnalisti jkunu megħjuna.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li kien skanta kif Owen Bonnici nesa li nqabad jikkonfoffa ma’ Henley and Partners biex isiru libelli lil Daphne Caruana Galizia. Dan permezz ta’ emails bejn iż-żewġ partijiet. Il-Ministru Owen Bonnici nstab ħati li kiser id-drittijiet fundamentali ta’ numru ta’ nies meta b’ordni tiegħu tneħħew il-fjuri minn fuq il-mafkar li jfakkar lil Daphne Caruana Galizia.
Karol Aquilina kompla li intenzjonalment, il-gvern qed jiżvijja l-Parlament b’informazzjoni skorretta. Hu appella biex id-deputati jivvotaw kif iridu u qal li d-direttiva ma tistabbilixxix massimu ta’ penali jekk xi ħadd jinstab ħati li għamel SLAPP.
Id-deputat Nazzjonalista qal li hu fl-interess pubbliku li l-kawżi SLAPP ikunu pubbliċi. Hu kompla li mhux veru li l-PN irid iħassar l-avviż legali, anzi l-PN qed iżid miegħu affarijiet oħra. Id-deputat Nazzjonalista qal li issa d-deputat Laburista Ramona Attard anki ddikjarat li trid terġa’ ddaħħal il-libell kriminali meta fil-Konferenza Ġenerali Laburista ddikjarat li kien żball li dan tneħħa. Karol Aquilina qal li anki l-IĠM appella lill-gvern biex jivvotaw favur l-emendi li qed iressaq il-PN.
Karol Aquilina qal li l-mozzjoni tal-PN ittejjeb is-sitwazzjoni li wettaq il-gvern u li għalhekk il-gvern għandu jaqbel magħha; tant li l-gvern ma kkritika xejn mill-emendi li ressaq il-PN. Hu staqsa kif il-gvern se jivvota kontra emenda tal-PN dwar kawżi li jibdew u jispiċċaw f’Malta.
Il-gvern ressaq emenda għall-mozzjoni tal-Oppożizzjoni waqt li l-Oppożizzjoni reġgħet ressqet emenda għall-emenda tal-Gvern. Dwar dawn issejħet division fejn il-gvern kiseb 40 vot favur il-pożizzjoni tiegħu waqt li l-Oppożizzjoni kellha 33 vot.
//= $special ?>