Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) żamm il-Laqgħa Annwali ta’ Konsultazzjoni f’Jannar mal-awturi u l-pubblikaturi, u matulha ħabbar id-dati tal-avvenimenti, l-attivitajiet u l-inizjattivi ewlenin għall-2025 – fosthom il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, u l-Fond Malti tal-Ktieb.
Il-laqgħa serviet ukoll sabiex il-KNK jitkellem dwar żviluppi interessanti li ġejjin fl-2025 u li se jħallu effett li jibqa’.
Il-Fond Malti tal-Ktieb żdied bi €15,000 mifruxin fuq tlieta mill-ħames kategoriji tiegħu. L-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Kotba Ġodda telgħu għal €55,000 (minn €50,000), l-Għotjiet għat-Traduzzjoni u l-Esportazzjoni ta’ Kotba minn Awturi Maltin żdiedu minn €40,000 għal €45,000, finalment l-Għotjiet għat-Traduzzjoni lejn il-Malti żdiedu b’€5,000 għal €20,000.
Il-massimu li jista’ jingħata għal kull proġett baqa’ l-istess bħas-sena l-oħra.
Il-Jeddijiet tas-Self Pubbliku (PLR) żdiedu b’€20,000, biex issa l-fond totali huwa ta’ €80,000.
Daż-żidiet huma xhieda tax-xogħol tal-KNK sabiex irawwem industrija letterarja sostenibbli u aktar b’saħħitha.
Waqt il-Laqgħa Annwali ta’ Konsultazzjoni l-KNK aġġorna lill-imsieħba dwar l-iżviluppi relatati mal-istrateġija fuq ħames snin tal-KNK, li qed tissawwar b’kollaborazzjoni mal-kumpanija ta’ konsulenza KPMG.
L-istrateġija titnieda fix-xhur li ġejjin wara li l-abbozz jgħaddi mill-proċessi u l-approvazzjonijiet meħtieġa. L-istrateġija se tkopri bejn l-2025 u l-2030, u se tissawwar bil-kontribuzzjoni wiesgħa tal-imsieħba fl-industrija tal-kotba Maltija, sabiex isservi verament ta’ gwida importanti għall-KNK.
It-tnedija tal-istrateġija se tiżżewweġ mat-tnedija ta’ identità viżiva għall-KNK, bi branding ġdid fil-logos u bidla mill-qiegħ fis-sit tal-KNK. Dan qed isir sabiex kollox ikun rifless ta’ evoluzzjoni fix-xogħol tal-KNK.
Dis-sena l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jsir bejn il-5 u d-9 ta’ Novembru fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet, Ta’ Qali. Iċ-Ċerimonja tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb skedata għas-26 ta’ Settembru.
L-esportazzjoni letterarja tema oħra important kemm għall-industrija lokali u anki għall-KNK, li dejjem jistinka sabiex ilaqqa’ lill-awturi u l-pubblikaturi lokali ma’ dawk barranin. Is-sena l-oħra sensilna l-ewwel katalgu ta’ drittijiet ta’ barra, u dis-sena se jkun aġġornat b’titli ġodda u jittieħed f’fieri barranin biex jitqassam ma’ msieħba internazzjonali.
Il-kalendarju kulturali tal-KNK għall-2025 huwa ċelebrazzjoni waħda tal-letteratura Maltija mill-bidu tas-sena sal-aħħar tagħha. Ħerqanin sabiex niktbu kapitlu ieħor mal-imsieħba lokali tagħna.
//= $special ?>