Ebda data meta se jibda x-xogħol fuq il-bini tad-dar tal-anzjani fl-Imsida
L-ispazju fejn suppost se tinbena Dar tal-Anzjani fl-Imsida ġie kkonvertit f’parkeġġ pubbliku temporanju minn Infrastructure Malta – sakemm jitlesta l-proġett tal-flyover; proġett li suppost għandu jieħu tal-inqas sentejn oħra.
Pass li l-Ministru tat-Trasport Chris Bonett kien feraħ li twettaq għaliex dawk is-sewwieqa li kienu jipparkjaw il-vettura tagħhom fil-parkeġġ biswit il-monument tal-General Workers Union, kienu ġew gwidati jipparkjaw il-karozzi tagħhom proprju f’dan l-ispazju, ċioè fejn suppost qed tinbena din id-Dar tal-Anzjani.
Dan ifisser li prattikament il-wiegħda ta’ Jo Etienne Abela u l-Gvern ta’ Robert Abela, mhux talli għadha lanqas bdiet titwettaq, iżda kollox qed jindika li sal-aħħar tal-leġiżlatura din se tibqa’ biss wiegħda fl-arja – wiegħda li saħansitra kienet imniżżla fil-Manifest Elettorali ‘Malta Flimkien’.
L-Erbgħa filgħodu, Net News staqsa lill-Ministru Bonett fuq din il-kwistjoni, bil-Ministru jgħid li kollox se jkun qiegħed isir, iżda s’intendi mhux fit-time frames imwiegħda… u li fi kliem sempliċi hu jista’ jitkellem biss għal Ministeru tiegħu.
Dan apparti li minn kliemu jirriżulta li ma saret ebda konsultazzjoni mal-Ministeru tas-Saħħa sabiex sar dan il-parkeġġ temporanju.
Suppost din id-Dar tal-Anzjani, oriġinarjament mibnija minn Gvern Nazzjonalista u mwaqqa’ minn Gvern Laburista, kellha takkomoda mill-ġdid 114-il sodda b’investiment ta’ ftit aktar minn €13-il miljun – madanakollu, s’issa, din iz-zona spiċċat parkeġġ.
//= $special ?>