Karol Aquilina, PN
Permezz ta’ mozzjoni mressqa fil-Parlament, il-PN qed jinsisti fuq it-tisħiħ tal-libertà tal-espressjoni u tal-protezzjoni tal-ġurnaliżmu f’Malta.
Il-mozzjoni tressqet mix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Karol Aquilina.
Fil-bidu tad-diskors tiegħu, Karol Aquilina qal li fl-istrangers gallery kien hemm is-Segretarju Ġenerali u l-President tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) u staqsa lill-Gvern jekk jaqbilx li dawn jinżlu fil-Kamra tal-Parlament kif isir f’ċirkostanzi oħra. Il-Gvern ma qabilx m’a’ din il-proposta.
Karol Aquilina qal li din il-mozzjoni hi intiża biex tipproteġi lill-ġurnalisti u lil dawk li jipparteċipaw b’mod pubbliku fil-pajjiżi kollha tal-UE.
Diversi pajjiżi daħħlu din id-direttiva u Malta kienet l-ewwel pajjiż tal-UE li implimentaha b’avviż legali. Il-gvern seta’ ppubblika wkoll abbozz ta’ liġi. Il-gvern kellu għażla biex jgħaddi din il-liġi u kien iktar ġust kieku saret liġi flok sempliċi avviż legali. Il-PN jixtieq li dan l-avviż legali jkun aħjar fil-kuntest tad-direttiva Ewropea li tistabbilixxi biss regoli minimi.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-istati membri tal-UE jistgħu jagħmlu liġijiet aħjar mill-minimu stabbilit mill-UE biex il-persuni jkunu protetti minn kawżi disinjati biex ixekklu lill-persuni milli jitkellmu (SLAPP). Minn dawn il-kawżi kien hemm numru fl-UE u anki f’Malta, fosthom dik il-kawża preżentata mill-Bank Pilatus u miċ-Chairman tal-istess bank Ali Sadr kontra Daphne Carauna Galizia, f’Arizona, fl-Istati Uniti.
Din il-kawża ntefetħ f’nofs Mejju 2017 meta f’Malta kien hawn kampanja elettorali. Il-Bank Pilauts u Ali Sadr riedu jwaqqfu lil Daphne Caruana Galizia milli titkellem dwar l-abbużi tal-bank tant li ftit wara l-elezzjoni tal-2017, Ali Sadr għamel nota biex jissospendi l-kawża temporanjament għax il-PL kien rebaħ l-elezzjoni u għalhekk Ali Sadr kellu moħħu mistrieħ għax reġa’ tela’ l-PL.
Sa dan il-punt, Daphne Caruana Galizia ma kinitx għadha informata dwar il-kawża. Meta Daphne nqatlet fis-16 ta’ Ottubru 2017, hi ma kinixt għadha taf bil-kawża iżda fi ftit sigħat wara l-qtil tagħħa, Ali Sadr mar jiġri f’Arizona u rtira l-kawża.
Dan kien każ li bih Ali Sadr ried ibeżża’ lil Daphne u jagħlqilha ħalqha. Minkejja dan, Daphne kompliet tikteb dwar dan il-każ. Meta Daphne nqatlet kellu 43 kawża ċivili kontriha u 5 libelli kriminali. Ħafna minn dawn kienu ripetuti bl-iskop li jbeżżgħuha u jagħlqulha ħalqha u magħhom kienu għamlulha wkoll sekwestri biex ikollha diffikultatjiet kbar biex topera.
Karol Aquilina qal li l-PN ħa l-attitudni li jsiru l-inqas ammont ta’ emendi iżda li dawn ikunu sinifikanti għaliex il-PN irid jilħaq ftehim mal-gvern.
Il-PN qed jipproponi li l-ordni ma tkunx tgħodd biss fil-konfront ta’ kawżi li jsiru barra minn Malta, iżda tgħodd ukoll għal kawżi li jisru f’Malta kontra persuni li jsiru f’Malta stess.
Proposta oħra tal-PN hi dwar il-penali diżważiv biex meta qorti tiddeċiedi li l-kawża hi SLAPP, il-Qorti timponi penali. Il-gverrn qed jipproponi li l-penali jkunu ta’ mhux iktar minn €10,000 iżda l-PN qed jipproponi li l-minimu jkun €10,000 u l-massimu jkun €100,000.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li t-tielet proposta tal-PN tikkonċerna l-informazzjoni tal-kawżi ta’ dan it-tip. Fid-direttiva hemm l-obbligu li dawn il-kawżi jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea fis-sena ta’ wara iżda m’hemmx dati fl-avviż legali. Il-PN qed jipproponi li l-gvern jibgħat l-informazzjoni lill-KE fis-sena ta’ wara sal-31 ta’ Marzu. Proposta oħra hi li l-informazzjoni tkun pubblikata online u titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Karol Aquilina qal li l-PN qed jipproponi li s-sentenzi mogħtija ma jkunux jistgħu jinħbew fis-sistema tal-Aġenzija tal-Qorti. Proposta oħra mill-PN li dik il-proposta mill-IĠM li titratta każi meta tinkiseb sentenza minn qorti barranija u jkun hemm, irid jinforzaha kontra ċittadin Malti.
Il-PN qed jipproponi li meta persuna ma tkunx wieġbet għal kawżi barra minn Malta, il-qorti ma tkunx tista’ tiddikjara li din il-persuna ma weġbitx. Dan għaliex fil-fatt hu problematiku li ċittadin iwieġeb f’pajjiż barranin minħabba diversi ċirkstanzi, fosthom dawk finanzarji.
Fil-mozzjoni, il-PN qed jipproponi li filwaqt li l-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzja jħallu l-avviż legali fis-seħħ, il-gvern jagħmel konsultazzjoni pubblika dwar l-avviż legali u dwar ir-riżultanzi tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruna Galizia. Il-PN qed jipproponi wkoll li l-Ministru tal-Ġustizzja jippreżenta abbozz ta’ liġi dwar id-direttiva tal-UE biex ikun hemm liġi u mhux avviż legali.
Karol Aquilina talab ukoll li l-vot fil-Parlament jitressaq separatament fuq il-mozzjoni biex ikun hemm opportunità ta’ qbil.
//= $special ?>