Lokali Parlament

Il-PN mal-poplu kontra gvern li jrid ineħħi d-dritt taċ-ċittadin għal investigazzjoni

Il-PN illejla fil-Parlament ivvota mal-poplu kontra gvern li jrid ineħħi d-dritt taċ-ċittadin għal investigazzjoni.

Din il-pożizzjoni l-PN esprima permezz ta’ dikjarazzjoni tal-vot magħmula mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fil-Parlament meta tressaq l-abbozz li jemenda l-Kodiċi Kriminali.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-Oppożizzjoni kienet qed tivvota kontra l-abbozz ta’ liġi dwar il-Kodiċi Kriminali fejn il-gvern irid ineħħi liċ-ċittadin id-dritt li jitlob investigazzjoni. Għalhekk, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, l-Oppożizzjoni se tivvota man-naħa tal-poplu u se tkun qed tivvota kontra dan l-abbozz li, skont dak li ddikjara l-gvern, se jkun qed inaqqas id-dritt taċ-ċittadin li jitlob inkjesta maġisterjali.

Fil-votazzjoni li ttieħdet, kien hemm 40 favur il-gvern u 33 vot kontra.

F’kumment fuq il-midja soċjali l-Kap tal-PN Bernard Grech sostna li llum fil-Parlament ivvutajna kontra l-ewwel qari tal-liġi li l-Gvern irid jgħaddi biex inaqqas id-dritt taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin li jitolbu Inkjesta Maġisterjali. Gvern ġdid Nazzjonalista jerġa’ jagħti lura liċ-ċittadin dan id-dritt li l-Gvern irid ineħħilu.

Bernard Grech qal li bil-liġi li jridu jdaħħlu, Robert Abela u l-Ministri tiegħu qegħdin għal darba oħra jagħżlu li jżommu mal-kriminali minflok maċ-ċittadini onesti Maltin u Għawdxin li xebgħu jinsterqu bit-taxxa tal-korruzzjoni. Il-pjan tagħhom huwa li jkomplu jkissru s-saltna tad-dritt f’pajjiżna billi jxekklu u jindaħlu lill-Imħallfin u lill-Maġistrati.

Aħna għandna fiduċja fl-Imħallfin u l-Maġistrati ta’ pajjiżna u konvinti li huma qed jaqdu d-doveri tagħhom skont il-liġi. Se nirreżistu dak li jrid jagħmel Robert Abela b’kull mezz possibbli. Għalhekk ivvutajna u se nibqgħu nivvutaw mal-poplu, sostna l-Kap tal-PN Bernard Grech