“Irid jinżamm il-momentum wara l-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied u l-ħelsien tal-ostaġġi.”
Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet dan meta laqgħet lir-Re tal-Ġordan Abdullah II ibn Al Hussein. Din kienet it-tieni laqgħa mar-Re tal-Ġordan fi ftit aktar minn sena.
Il-laqgħa segwiet ukoll sensiela ta’ taħditiet ma’ mexxejja fi ħdan ir-reġjun bil-għan li jaħdmu lejn paċi dejjiema fil-Lvant Nofsani, inkluża ż-żjara tal-President Metsola aktar kmieni dan ix-xahar fl-Eġittu; il-laqgħa mal-President Abdel Fatah El-Sisi; telefonata mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ Iżrael Gideon Sa’ar ftit sigħat qabel daħal fis-seħħ il-ftehim għall-ħelsien tal-ostaġġi u waqfien mill-ġlied; u d-diskussjonijiet mal-Prim Ministru Palestinjan Mohammad Mustafa fil-Parlament Ewropew.
Il-President Metsola rringrazzjat lir-Re Abdullah II għall-isforzi tal-Ġordan lejn paċi dejjiema fil-Lvant Nofsani. Hija qalet li “għandu jinżamm il-momentum wara l-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied u l-ħelsien tal-ostaġġi.”
Iż-żewġ naħat esprimew it-tama tagħhom biex titwassal għajnuna umanitarja mingħajr xkiel lejn Gaża u għall-progress biex jiġu ritornati l-ostaġġi.
Il-President tal-Parlament Ewropew enfasizzat fuq l-importanza tas-sħubija komprensiva u strateġika bejn l-UE u l-Ġordan u l-ħtieġa li jissaħħu r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġordan, kif ukoll ir-rieda tal-Parlament li jappoġġa aktar lill-Ġordan b’assistenza finanzjarja. Il-President Metsola faħħret ukoll ir-rwol tal-Ġordan fil-promozzjoni tal-istabbiltà fir-reġjun.
Suġġetti oħra li ġew diskussi kienu dwar il-futur politiku ta’ Gaża, kif ukoll il-kooperazzjoni tal-Ġordan mal-Parlament Ewropew.
//= $special ?>