Lokali Parlament

It-tnedija tal-Awtorità dwar it-Tibdil fil-Klima swiet €40,000

It-tnedija tal-Awtorità dwar it-Tibdil fil-Klima swiet €40,000.

Dan ikkonfermatu fil-Parlament il-Ministru Miriam Dalli meta wieġbet mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Eve Borg Bonello li staqsiet lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika; biex tagħti rendikont ta’ spejjeż relatati mal-Awtorità għall-Azzjoni Klimatika, inkluż in-nefqa fuq l-attività tat-tnedija, PR, membri tal-bord u l-kunsill, u l-pagi tagħhom.

Il-Ministru Miriam Dalli wieġbet li fil-bidu ta’ Ottubru li għadda twaqqfet l-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima, l-ewwel waħda tax-xorta tagħha fl-Ewropa u li l-għan aħħari tagħha hu li tiżgura li l-effetti tal-bidla fil-klima jkunu segwiti biex dan il-fenomenu jibqa’ jiġi miġġieled b’mod effettiv u b’saħħtu.

L-Awtorità se tagħmel dan billi tisma’, tikkordina, u tieħu azzjoni b’mod effettiv, fosthom anke b’leġiżlazzjonijiet u regolari, filwaqt li tikkonsolida l-isforzi maqsuma tal-passat f’ħidma waħda kollettiva għall-azzjoni klimatika.

In-nefqa fuq l-attività tat-tnedija, inkluż ir-relazzjonijiet pubbliċi, kienet ta’ madwar €40,000 filwaqt li l-onorarja pagabbli lill-membri tal-bord u tal-kunsill bejniethom tammonta għal €94,824 fis-sena.