Żvediż ta’ 34 sena residenti Tas-Sliema baqa’ miżmum taħt arrest wara li wieġeb mhux ħati li hedded u ta fastidju lill-eks sieħba għax temmet ir-relazzjoni tagħhom. Erik Persson spiċċa arrestat wara li l-eks sieħba rrappurtatu fejn allegat li beda jibgħatilha ammont kbir ta’ messaġġi wara li temmet ir-relazzjoni.
Mal-Pulizija l-mara qalet ukoll li l-akkużat bagħat anke xi messaġġi lis-sid tal-kumpanija fejn kienet taħdem biex ikun jaf fuqha. Skont hi, ir-raġuni li telqet mill-impjieg tagħha kienet għax Persson beda jakkużaha li kellha relazzjoni intima mas-sid tal-kumpanija.
Għat-talba dwar il-ħelsien mill-arrest, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha minħabba numru ta’ xhieda li għad iridu jagħtu l-verżjoni tagħhom quddiem il-Qorti fosthom ommha, missierha u s-sid tal-kumpanija fejn taħdem.
Min-naħa l-oħra, id-difiża qalet li r-raġel għandu rabtiet sodi ma’ Malta u li l-evidenza kollha kontrih tinsab diġà fil-pussess tal-Pulizija u li dan ifisser li m’hemmx il-biża’ li l-akkużat se jbagħbas il-provi li hemm kontrih.
Il-Maġistrat Marse-Anne Farrugia ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li għad iridu jagħtu l-verżjoni tagħhom ix-xhieda.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit filwaqt li l-Avukat Sarah Ciliberti dehret għall-akkużat waqt li għall-vittma bħala parte civile deher l-Avukat Brendan Kirk Muscat.
//= $special ?>