Ilbieraħ reġa’ kellna konferma kif il-Gvern ħalla flus il-poplu jitberbqu bl-addoċċ, bla pjan u bla rendikont mill-Kummissjoni Maltija tal-Films, hekk kif l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika beda jagħti l-informazzjoni dwar dan l-iskandlu fl-investigazzjoni li bdiet quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) fil-Parlament.
Wara li f’Awwissu 2023, id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista fil-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi Darren Carabott, Graham Bencini u David Agius, flimkien max-Shadow Minister Julie Zahra, għamlu talba lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga il-Kummissjoni tal-Films, inkluż il-Malta Film Week u l-Malta Films Awards, f’Novembru 2024, ġie ppubblikat ir-rapport Evaluating the role of the Malta Commission in promoting the Maltese film industry – li minnu ħarġu numru ta’ konklużjonijiet u nkixfu n-nuqqasijiet fi ħdan il-Malta Film Commission fejn għandu x’jaqsam mal-mod kif tamminsitra l-miljuni ta’ ewro fi flus il-poplu.
Ilbieraħ, mis-seduta tal-PAC, ħareġ ċar illi hemm nuqqasijiet serji fil-governanza, fit-trasparenza, fil-kontabbiltà u anke fid-dokumentazzjoni bankarja li huma l-pern tal-operat tal-Kummissjoni tal-Films ta’ Malta. Tant hu hekk illi, minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni baqgħet qatt ma għaddiet lill-Awditur Ġenerali – l-Uffiċju Nazzjonali tal-Verifika sabha diffiċli immens biex jasal għal stampa ċara ta’ x’verament kien qed jiġri fit-tmexxija tal-istess Kummissjoni – b’mod partikolari dak li seħħ u xi ntefaq fuq il-Malta Film Week u l-Malta Film Awards.
Saħansitra, intqal bla tlaqliq li ma setgħux jifhmu l-value for money li ħa l-poplu Malti mill-infiq li għamlet il-Kummissjoni tal-Films.
L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali għamilha ċara li l-Kummissjoni tal-Films ma pprovdietx rendikont u l-bilanċi tal-kontijiet bankarji li ntalbet tgħaddi. Fil-fatt, it-talba tal-Awditur Ġenerali biex il-Kummissjoni tipprovdi bilanċi u statements bankarji ġiet injorata għal xhur sħaħ u dan wassal biex l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali lanqas biss seta’ jiddetermina l-Kummissjoni tal-Films kemm għandha kontijiet bankarji u kemm kienet il-veru nefqa tal-fondi pubbliċi u t-tranżazzjonijiet bankarji li saru, fosthom b’rabta mad-diversi avvenimenti marbuta mal-Malta Film Week u l-Malta Film Awards.
Filwaqt li se jkompli bl-iskrutinju tiegħu fil-Parlament, il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jsostni li ma nistgħux inħallu lill-Kummissarju tal-Films jibqa’ għaddej business as usual u jkompli jagħmel li jrid bil-barka tal-Prim Ministru Robert Abela u jibqa’ jberbaq flus-il poplu għall-ego tiegħu.
L-industrija tal-films f’pajjiżna għandha potenzjal enormi biex tkabbar u tinvesti fit-talent u l-produzzjonijiet lokali – u saħansitra tkabbar il-fama internazzjonali tagħha, iżda l-attitudni tal-Gvern preżenti qed iżżomm dan milli jseħħ.
//= $special ?>