Lokali Qorti

L-għarus tat-Taljana li waqgħet minn gallarija u spiċċat fuq tinda jammetti ħsara fuqha u li uża l-kokaina

L-għarus tat-tfajla minn Sardinja ta’ 18-il sena li waqgħet erba’ sulari minn lukanda f’Paceville l-ġimgħa li għaddiet, ammetta li għamlilha ħsara u ħallas multa ta’ €250 fuq pussess ta’ droga kokaina. Nhar l-Erbgħa li għadda, Claudia Chessa, minn Arzachena fit-Tramuntana ta’ Sardinja, sofriet ġrieħi gravi wara li waqgħet mill-gallarija ta’ lukanda f’San Ġiljan li kienet toqgħod fiha.

Hija kienet fuq btala mal-għarus tagħha ta’ 27 sena, Alessio Lupo, fejn kollox jindika li t-tnejn argumentaw ftit qabel il-waqgħa. Huwa mifhum li l-argument bejn it-tnejn beda fi klabb u kompla fil-kamra tal-lukanda tagħhom. Hemmhekk, l-argument eskala u sar wieħed fiżiku.

Chessa sofriet ġrieħi f’daharha u se tkun qed teħtieġ operazzjoni għall-ġrieħi li ġarrbet fil-waqgħa mill-gallarija, u li ma kenitx daqstant gravi għax spiċċat fuq tinda taħt il-gallarija tagħha. Hija ntilfet minn sensiha u l-istaff tal-lukanda sejjaħ lill-awtoritajiet għall-għajnuna wara li nduna x’ġara.

Lupo tressaq il-Qorti l-Ġimgħa quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech, fejn ammetta l-akkużi ta’ ġrieħi ħfief, li wassal biex is-sieħba tiegħu tibża’ mill-vjolenza u pussess ta’ droga. Fil-kamra tal-lukanda instab ukoll qartas kokaina.

Huwa ġie mmultat €250 fuq pussess ta’ droga u ġie illiberat bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor għal sentejn. Minn dakinhar, huwa telaq minn Malta. L-avukati Joe Giglio u Michaela Giglio irrappreżentaw lil Lupo.

L-inċident ngħata attenzjoni kbira fil-midja Taljana. Numru ta’ siti tal-aħbarijiet minn Sardinja kkwotaw lil missier Chessa jgħid li bintu qabżet mill-gallarija f’tentattiv iddisprat biex titbiegħed mill-għarus aggressiv tagħha.

“Binti mhix miġnunna, ma qabżitx minn fuq il-gallarija minħabba argument sempliċi, hija ġiet imsawta u ppruvat taħrab u ssalva lilha nnifisha,” qal Silvano Chessa lil L’Unione Sarda. Silvano qal li t-tnejn argumentaw wara li bintu “ma għoġbitix l-atmosfera” fil-klabb li kienu fih u riedet titlaq.

Qal li kien hemm cameras tas-CCTV quddiem it-tieqa fejn hi qabżet u li kienet qed tgħajjat ​​għall-għajnuna sforz kemm kienet iddisprata.

Ġisimha kien mimli marki li jissuġġerixxu li seħħ attakk fuqha. “Qalgħet daqqiet f’wiċċha, xagħarha nġibed u miġbud mill-basla, gidimha u taha daqqa ta’ ponn f’sidirha,” qal il-missier.