Lokali

L-IĠM b’appell lill-Membri Parlament biex jivvutaw favur emendi mressqa mill-PN li jsaħħu l-liġi kontra l-iSLAPP

Fid-dawl tad-dibattitu li se jsir fil-Parlament iktar tard illum, l-IĠM jappella lill-membri parlamentari biex japprovaw l-emendi mressqa mill-Partit Nazzjonalista għall-avviż legali li jdaħħal fis-seħħ id-direttiva Ewropea kontra l-iSLAPP.

L-emendi tal-Oppżizzjoni għandhom il-ħsieb li jwessgħu l-protezzjoni għall-ġurnalisti u persuni oħra biex jinkludu wkoll kawżi SLAPP li jsiru fil-Qrati Maltin.

Bħalissa, l-avviż legali jipproteġi biss kontra kawżi SLAPP li jsiru fi qrati barranin u li għandhom xejra transfruntiera. L-IĠM jemmen li hu kruċjali li l-protezzjoni kontra kawżi SLAPP tinkludi wkoll kawżi li jsiru fil-Qrati Maltin.

L-emendi tal-Oppożizzjoni għandhom il-ħsieb ukoll biex jgħollu l-penali li tista’ timponi l-Qorti fuq min jiftaħ kawża SLAPP għal mhux inqas minn €10,000 u mhux iktar minn € 100,000 mil-limitu eżistenti ta’ mhux aktar minn €10,000. L-IĠM jaqbel ma’ din il-proposta għax intiża biex verament toħloq deterrent lil min irid jagħmel kawża SLAPP.

L-IĠM ifakkar li l-avviż legali antiSLAPP li daħħal il-gvern is-sena li għaddiet, jipprovdi l-minimu rikjest mill-Unjoni Ewropea u għalhekk jeħtieġ li jissaħħaħ iktar.

Iż-żewġ emendi mressqa mill-Oppożizzjoni huma pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba.

L-IĠM ifakkar ukoll fil-wegħda tal-gvern li joħroġ White Paper għal konsultazzjoni fuq diversi riformi oħra apparti l-iSLAPP, intiżi biex isaħħu l-protezzjoni tal-ġurnalisti u joħolqu ambjent xieraq għal ġurnaliżmu ħieles. Ir-riformi li hemm bżonn isiru jinkludu bidliet fil-Kostituzzjoni, fil-Liġi tal-Midja u l-Malafama, fil-Kodiċi Kriminali u liġijiet oħra.