L-IĠM jinsab iddisgustat bil-pożizzjoni li ħa l-gvern illum fejn oppona mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni għal tisħiħ tal-Avviż Legali anti-SLAPP li ddaħħal is-sena li għaddiet.
Sfortunatament, illejla l-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard u esponenti oħra tal-gvern ma kenux interessati jitkellmu dwar protezzjoni iktar b’saħħitha għall-ġurnalisi. Pjuttost kienu iktar interessati jitkellmu kif se jżidu d-danni tal-libell ċivili.
Il-proposta tal-gvern kienet li se jimpenja ruħu għal iktar konsultazzjoni – impenn li ilu jwiegħed sa minn Ottubru tal-2023 meta qal li se jippubblika White Paper dwar ir-riformi proposti mill-Kumitat tal-Esperti mwaqqaf mill-gvern stess.
Sfortunatament, lanqas fl-impenn li ħa llejla l-Gvern ma ta indikazzjoni meta se tkun ippubblikata l-White Paper. Il-ħafna tkaxkir tas-saqajn tal-Gvern mhuwiex aċċetabbli u jeħtieġ li mill-kliem fieragħ jgħaddi għall-fatti.
L-għan tal-emendi tal-lejla kien li jestendi l-protezzjoni minn kawżi SLAPP għal dawk li jsiru wkoll f’Malta.
L-Avviż Legali attwali jagħti protezzjoni biss minn kawżi li jsiru fi qrati barra minn Malta u huma ta’ natura transnazzjonali.
L-emendi kienu jitolbu wkoll għal żieda fil-penali li tista’ timponi l-qorti biex isservi ta’ deterrent għal min għandu intenzjoni li jiftaħ kawża SLAPP.
B’dispjaċir l-IĠM jisħaq li tal-lejla kienet opportunità mitlufa biex jissaħħaħ l-Avviż Legali anti-SLAPP.
//= $special ?>