Internazzjonali

L-Indja: Tal-anqas 30 mejtin fir-rassa waqt festival… bil-vittmi mistennija jiżdiedu

L-awtoritajiet Indjani kkonfermaw li tal-anqas 30 mietu fost ir-rassa tan-nies li żdiedet b’mod konsistenti waqt li l-folol kienu preżenti għall-festival prinċipali ta’ Kumbh Mela – inċident li fih indarbu wkoll bejn is-60 u l-100 ruħ.

Il-Prim Ministru Indjan, Narendra Modi, ikkonferma l-imwiet waqt li bagħat il-kondoljanzi lill-qraba tal-vittmi. Sadanittant, bħalissa, għaddejja tfittxija fis-sit għall-persuni rappurtati nieqsa u fost indikazzjonijiet li ċ-ċifra tal-mewt se tiżdied minn ħin għall-ieħor.

Numru ta’ persuni preżenti għall-festival – max-xatt tax-Xmara Ganges – irrakkuntaw kif spiċċaw imbuttati fl-ilma waqt li huma kienu qed jistennew biex jipparteċipaw fir-ritwal ta’ ħasil reliġjuż.

Dan fost ix-xeni ta’ kaos assolut max-xatt tal-Ganges, bil-mijiet tan-nies jippruvaw isibu postijiet aktar sikuri fl-eqqel tal-paniku. Huma ħallew warajhom il-munzelli tal-ħwejjeġ, żraben, kutri u backpacks mal-art fost l-impenji disprati biex isalvaw ħajjithom.

L-uffiċjali, qabel, kienu bassru li mal-100 miljun kellhom jattendu għal ‘Jum il-Ħasil’, f’Kumbh Mela, waqt wieħed mill-akbar festivals reliġjużi fid-dinja. U fil-preżent, għad fadal ukoll l-eluf ta’ nies li qed jistennew biex jinżlu fil-Ganges għar-ritwal tal-ħasil li hu obbligatorju għall-membri kollha tal-komunità tal-Ħindu.