Il-Qorti Kriminali Internazzjonali f’The Hague tinsab determinata biex tieħu l-passi meħtieġa wara li l-Italja, b’sorpriża, ħelset ċittadin Libjan li l-istess Qorti qed tfittxu b’konnessjoni ma’ reati tal-gwerra.
L-Oppożizzjoni f’Ruma kienet ikkritikat bil-qawwi l-ħelsien tal-Libjan – Osama Najim, magħruf ukoll bħala Almasri – u issa l-Prim Ministru tal-Italja, Giorgia Meloni, żvelat li tinsab taħt investigazzjoni ġudizzjarja min-naħa tal-Qorti, magħrufa wkoll bħala l-ICC.
Intant, Meloni qed tadotta arja ta’ sfida u fejn qed tirreferi għal skopijiet politiċi li wasslu għal din l-investigazzjoni. Dan fost il-kumment xott tagħha li ‘hi mhix se tispiċċa l-vittma tar-rikatt jew intimidazzjoni’.
Meloni, fl-istess ħin, żvelat li l-prosekuturi qed jissuspettaw fiha dwar ‘aġir li għen għat-twettiq ta’ reat’ wara li l-ħelsien ta’ Almasri – il-Kap tal-Pulizija Ġudizzjarja tal-Libja u direttur taċ-ċentru għad-detenzjoni infami f’Mitiga, viċin ta’ Tripli.
Dan il-Libjan kien spiċċa arrestat fl-Italja fil-21 ta’ Jannar u, kontra kull mistenni, inħeles mill-arrest minħabba ‘teknikalità legali’. Din l-informazzjoni ħariġha l-Ministru għall-Intern f’Ruma.
Sadanittant, il-kelliema għall-Qorti ta’ The Hague qalu li ma kenux ikkonsultati dwar il-ħelsien tal-Libjan u bil-Qorti malajr toħroġ mandat ieħor għall-arrest ta’ Almasri. Dan ukoll fost l-insistenza għal spjegazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Taljani.
Issa, il-Prim Ministru Meloni qed tgħid li l-qorti għall-appell f’Ruma kienet ħelset lil Najim għaliex il-mandat mill-Qorti ta’ The Hague ma kienx intbagħat lill-Ministeru Taljan għall-Ġustizzja,
Hi spjegat li l-awtoritajiet f’Ruma ma ridux li l-Libjan ikun ħieles fl-Italja u għaldaqstant iddeċidew biex ikeċċuh u jirripatrijawh immedjatament – u bir-riżultat li Almasri kien qabad titjira ‘speċjali’ lura lejn il-Libja.
Madankollu, l-Oppożizzjoni Taljana u l-gruppi favur id-drittijiet umani qed jirredikolaw il-kumment partikulari ta’ Carlo Nordio, il-Ministru Taljan għall-Ġustizzja, fis-sens li ‘l-Libjan spiċċa mkeċċi mill-Italja minħabba li meqjus bħala bniedem perikoluż għall-aħħar’.
Diversi NGOs, fosthom il-grupp Amnesty International, qalu wkoll li l-awtoritajiet Taljani naqsu mill-obbligi tagħhom b’rispett tal-ħarsien tad-drittijiet umani, fost l-insistenza li Almasri – li l-filmati ta’ jiem ilu wrew il-wasla ‘trijonfali’ tiegħu fi Tripi – huwa ħati ‘dwar abbuż u attroċitajiet li twettqu mingħajr l-ebda sens ta’ impunità’.
//= $special ?>