L-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti beħsiebhom jinsistu ‘bil-pressjoni massima’ fuq ir-Russja biex jaċċertaw minn paċi konkreta fl-Ukrajna. Dan kien ikkonfermat wara telefonata sinifikanti bejn Kaja Kallas, ir-Rappreżentanta Għolja tal-UE u s-Segretarju tal-Istat Amerikan Marco Rubio – l-ewwel telefonata ta’ dan it-tip mindu Donald Trump beda mill-ġdid imexxi lill-Istati Uniti.
It-telefonata trattat anki l-isfidi fuq diversi livelli min-naħa taċ-Ċina u li qed jingħataw prijortà kbira mill-Istati Uniti. Aspetti oħrajn diskussi kienu s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani – b’mod partikulari t-tranżizzjoni tal-poter fis-Sirja – u l-kampanja konsistenti tal-Iran fundamentalista għad-distabbilizzazzjoni tal-pajjiżi ġirien.
Dan ukoll fost id-diversi mezzi lejn il-kooperazzjoni aktar profonda fuq livell transatlantiku.
Kallas u Rubio qablu dwar ‘in-neċessità li tinżamm il-pressjoni kontinwa u konsistenti fuq Moska biex il-Kremlin ta’ Vladimir Putin javviċina paċi ġusta u sostenibbli fl-Ukrajna’. Min-naħa tiegħu, Rubio laqa’ tajjeb ‘l-estensjoni tas-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja u li huma relatati mal-gwerra fl-Ukrajna’.
It-telefonata anki enfasizzat l-impenn tal-Istati Uniti biex twassal il-gwerra tal-Ukrajna fi tmiemha. Dan wara li l-President Trump kien ikkritika l-assistenza militari mogħtija lill-Ukreni minn pajjiżu fl-aħħar xhur fost il-wiegħdiet li hu, bħala President, għandu jagħmel minn kollox biex itemm il-gwerra.
Sadanittant, għad hemm il-possibbiltà li ftehim għall-paċi bejn l-Ukrajna u r-Russja jiffavorixxi aktar lil Putin – u meta llum l-indikazzjonjiet huma li kwalunkwe proċess għall-paċi fl-Ukrajna għandu jdum ix-xhur sakemm tkun konkluż.
Il-President Trump, fl-aħħar jiem, hedded biex jimponi mewġa oħra ta’ taxxi, tariffi u sanzjonijiet fuq ir-Russja, jekk kemm-il darba Vladimir Putin jirrifjuta ftehim għall-paċi mal-Ukrajna.
Dawn il-kummenti jidhru li influwenzaw lill-Mexxejja Ewropej bis-simpatiji ma’ Putin… fosthom il-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orban, li, fl-aħħar jiem irtira l-prospett li l-Ungerija tista’ tostakola s-sanzjonijiet kontra Moska min-naħa tal-Ewropa.
Dan meta Brussell diġà qed iħejji pakkett ġdid ta’ riżoluzzjonijet fir-rigward ta’ Putin u l-Kremlin.
Fl-istess ħin, għad hemm livell għoli ta’ inċertezza rigward il-futur tar-relazzjonijiiet bejn l-Ewropa u l-Gvern Amerikan immexxi minn Donald Turmp.
Dan meta l-President tal-Istati Uniti rranka t-tensjoni fl-Ewropa bit-theddida li jieħu l-kontroll ta’ Greenland – territorju semiawtonomu tad-Danimarka (membru tal-UE) – u fejn hu kapaċi juża l-mezzi ekonomiċi u anki l-forza militari f’każ li jqisha bħala neċessarja.
L-inkwiet tal-Ewropej żdied ukoll bl-aħħar kummenti ta’ Trump fejn qal li ‘jaħseb li Greenland, fil-futur, se jkun tal-Istati Uniti.’
Sadanittant, il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea qed jużaw retorika aktar iebsa min-normal u fejn ħalfu biex jiddefendu l-awtonomija ta’ Greenland. Hu minnu wkoll li stħarriġ popolari ieħor wera li 85 fil-mija tar-residenti ta’ Greenland huma kontra l-pjani ta’ Trump għall-espansjoni tal-overseas territories amministrati minn Washington.
Fl-istess ħin, ma kienx ċar hekk il-kwistjoni ta’ Greenland kenitx diskussa waqt it-telefonata bejn Kaja Kallas u Marco Rubio – u meta l-ebda rapport ma ddettalja din il-possibbiltà.
//= $special ?>