Mohamed Ali Ahmem Elmushratyd, magħruf aħjar bħala Lilu King, reġa’ ngħata l-libertà proviżorja li kien tilef wara li kien akkużat li kiser driegħ raġel u li kiser ukoll it-termini tal-libertà proviżorja stabbiliti fi tliet każijiet preċedenti.
Huwa ngħata l-pleġġ fuq depożitu ta’ €30,000 u garanzija personali ta’ €100,000 u jrid jiffirma darbtejn kuljum fl-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan. Huwa ġie ordnat ukoll mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo biex fid-9pm ikun id-dar u ma joħroġx qabel is-7am.
Elmushraty, ta’ 32 sena ta’ nazzjonalità Tuneżina, huwa intraprenditur fil-lokalita ta’ Paceville u ‘influencer’ fuq il-midja soċjali u li jħobb juri l-ġid li għandu fuq il-midja soċjali. Huwa kien tilef il-pleġġ li reġa’ akkwista l-Erbgħa filgħodu wara li kien ġie akkużat li weġġa’ u hedded raġel f’inċident fit-12 ta’ Ottubru f’Tas-Sliema, li kiser il-paċi u l-kundizzjonijiet tal-pleġġ stabbiliti fit-18 ta’ Marzu, 2024, fis-6 ta’ Mejju, 2023 u fil-25 ta’ Ottubru, 2019. Huwa qed iwieġeb mhux ħati ta’ dawn l-akkużi.
L-Ispettur Eman Hayman, li qed imexxi l-prosekuzzjoni, kien qal lill-Qorti li ġie ppreżentat rapport mill-allegat vittma, li kien aggredit minn Lilu King f’bar fix-xatt ta’ Tas-Sliema. F’filmati tas-CCTV, il-vittma seta’ jidher jiġri u beżgħan bl-akkużat isegwih.
Elmushraty kien deher ukoll fil-Qorti f’Awwissu, akkużat li ħabat bil-Mercedes tiegħu deliberatament ma’ Buggy waqt li kien qed isuq mingħajr liċenzja. Dak iż-żmien l-Ispettur Hayman kien qal lill-Qorti li l-ħabta “dehret li kienet intenzjonata,” u filmati wrew ukoll lil Elmushraty ħiereġ mill-Mercedes u jkellem lix-xufier tal-buggy u mara, li l-Ispettur qal li kienet eks ħabiba ta’ Elmushraty.
Il-Qorti ta’ dak iż-żmien kienet iddikjarat l-arrest tiegħu illegali peress li l-Maġistrat tal-Għassa ma kienx infurmat bl-arrest. F’Ġunju Elmushraty kien ordnat iħallas €10,000 iżda ma tilifx il-libertà personali tiegħu wara li ammetta għal argument kmieni filgħodu mal-Pulizija waqt ġlieda boxing f’Ta’ Qali.
Fil-każijiet preċedenti tiegħu li għaddejjin bħalissa, Elmushratyd qed jiffaċċja akkużi relatati mal-involviment fil-kriminalità organizzata marbuta mat-traffikar tad-droga u l-ħasil tal-flus. F’kull każ huwa qed iwieġeb mhux ħati.
L-avukati difensuri Franco Debono, Marion Camilleri u Josè Herrera dehru għal Elmushraty.