Lokali Qorti

Mara tuża “metodi vendikattivi” biex titfa’ lil missier uliedha l-ħabs

Xhieda xokkanti mill-Prosekuzzjoni stess li ressqet missier ta’ tlett itfal miż-Żejtun dwar l-atti vendikattivi li ntużaw mill-eks sieħba tiegħu biex dan jispiċċa l-ħabs. Huwa tressaq il-Qorti mixli li hedded lil omm uliedu u ksur ta’ bail, madankollu l-prosekuzzjoni qalet li kienet il-mara li kienet tibgħatlu diversi ‘voice messages’.

Il-missier ta’ tlett itfal ta’ ħames snin, tliet snin u sena u li għandu 26 sena, tressaq il-Qorti għax skont il-liġi kull min jagħmel rapport ta’ vjolenza domestika jrid jitressaq il-Qorti. Quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia l-Ispettur Audrey Micallef qalet li nhar it-Tnejn li għadda l-eks sieħba taż-żagħżugħ għamlet rapport fejn ikkonfermat li kien hemm ordni ta’ protezzjoni. Il-koppja ilhom separati għal sitt xhur.

L-akkużat seta’ jkellem biss lil omm uliedu fuq it-tfal u xejn iktar, u hi qalet lill-Pulizija li kienet qed tirċievi messaġġi fuq WhatsApp mill-akkużat. Hi qalet ukoll li lejla minnhom semgħet ħoss ta’ karozza li temmen li kienet tiegħu, iżda ma kienx hemm provi.

L-Ispettur Audrey Micallef qalet li mill-iscren shots minn fuq il-mobile jirriżulta li l-akkużat kien ikellimha fuq it-tfal kif kellu dritt jagħmel u meta tkellmu fuq xi ħaġa oħra kien jgħidilha li ma setax jagħmel dan. Darba minnhom talbitu wkoll ħames ewro biex taqbad taxi.

Meta lill-Ispettur il-mara qatilha li l-akkużat kien ċemplilha tard filgħaxija għal darba darbtejn, u rrispondiet hi qalet li għax beżgħet li jikkommetti suwiċidju. Sadanitant, omm ulied l-akkużat qalet ukoll lill-Pulizija li huwa kien jibgħatilha messaġġi ma’ xi tnejn mill-ħbieb tagħha, imma meta kienet mistoqsija min kienu dawn il-ħbieb qaltilha li ma tridx li ddaħħalhom fl-inkwiet.

Is-suspetti dwar l-aġir tal-mara fil-konfront tal-akkużat bdew jikbru meta din bdiet iċċempel ta’ spiss lill-Pulizija u tistaqsihom; ‘arrestajtuh, arrestajtuh?” Jirriżulta wkoll li l-mara għamlet l-istess akkużi fuq l-akkużat darbtejn oħra. Bħala punteġġ tar-risk assesment, l-Ispettur Micallef qalet li l-ewwel darba kien ta’ 12 li huwa baxx, u t-tieni darba kien ta’ 17 u niżel għal 15.

“Ma nistax nifhem dawn il-punteġġi, qiesna qed intellgħu t-tombla, jien ma nindaħalx fuq ix-xogħol li jagħmlu l-esperti tar-‘risk assesment” imma hawn m’aħniex nilgħabu t-tombla”, qal l-Ispettur Micallef. Hija kompliet tgħid li xogħolha hu li tindirizza l-ġustizzja.

3,000 każ ta’ vjolenza domesika f’Malta hija ċifra allarmanti

L-Avukat Josè Herrera li deher għall-akkużat, faħħar il-mod professjonali ta’ kif indirizzat lill-Qorti l-Ispettur Audrey Demicoli, għax hi dejjem titkellem skont il-fatt. Huwa qal li f’pajjiż ta’ nofs miljun, li jkollok 3,000 persuna b’rapporti u akkużi ta’ vjolenza domestika huwa każ allarmanti.

Tenna li l-fatt li l-allegata vittma kienet qed tippressa lill-Pulizija u tistaqsi jekk l-akkużat kienx ġie arrestat hija azzjoni vedikattiva. L-Ispettur Micallef qalet ukoll li jidher li r-rapporti li saru mill-allegata vittma, huma rapporti ta’ pika u l-‘voice messages’ li kienet qed tibgħat jikkonfemaw dan kollu.

L-Ispettur Audrey Micallef qalet li t-tifla l-kbira kienet tinġabar mill-akkużat mingħand nannitha. Imma l-allegata vittma kienet qalet lill-akkużat: “Lili għid għat-tifla u mhux lil ommi.” Qalet ukoll li l-akkużat kien jagħmel minn kollox biex jevita li jkellem lil omm uliedu, anke jekk forsi kien hemm mumenti żgħar li tkellem fuq xi ħaġa oħra, wara instigazzjoni minnha.

L-Ispettur Audrey Micallef qalet li l-akkużat huwa tad-demm u l-laħam fejn ġieli ra lil uliedu biss minn fuq video camera u m’għandux il-fakulta li jaqbad it-tfal u jerfagħhom kif jagħmlu missierijiet oħra. Hija qalet ukoll li l-allegata vittma jekk kienet iddaħħalha f’moħħha li missier uliedha qed joħroġ ma’ xi tfajla jew sempliċiment għandu ħabiba, kienet tgħidlu li se tmur għaliha u taqbadha minn xagħra.

L-Avukat Herrera qal li l-klijent tiegħu, li fil-Qorti deher imbikkem u eċċitat, kien se jammetti li forsi kien qabeż il-linja bi ftit ferm għax kellimha, u li dan ma kienx it-tort tiegħu. Madankollu, wara dak li semgħet il-Qorti, sentenza ta’ ħabs effettiva m’għandhiex tkun il-piena, iżda din għandha tkun sospiża.

Huwa qal ukoll li f’dan il-każ il-klijent tiegħu huwa l-vittma. L-Ispettur qablet ma’ din l-asserzjoni li l-akkużat jingħata sentenza sospiża. Qalet ukoll li s-soltu f’każijiet bħal dawn hija tinkludi l-akkuża li jkun sar użu ħażin tal-mezzi ta’ kommunikazzjoni, li f’dan il-każ, ma kinitx inkluża.

Il-Maġistrat Marse-Anne Farrugia qabel ma ddeċidiet il-piena, qalet lill-akkużat li l-piena massima f’dan ir-rigward hija ta’ ħames snin ħabs u multa ta’ €7,000. F’dan il-ħin l-akkużat deher li fehem li din kienet is-sentenza finali u deher jippanikkja u beda jpoġġi jdejh ma’ wiċċu. Hawn, dawk li kienu preżenti fl-awla, inkluż il-Maġistrat ikkalmawh u qalu li din kienet il-piena massima u mhux is-sentenza finali.

Wara li daħlet fis-sigrieta, ftit wara l-Maġistrat Farrugia kkundannat liż-żagħżugħ għal sena ħabs sospiża għal sentejn, ordni ta’ trażżin għall-perjodu ta’ tliet snin u konfiska in parte tal-garanziji li kellu fl-ammont ta’ €600. Il-Qorti wissietu biex ma jikkommetix reat ieħor, li bl-ebda mod ma jkellem lil omm ulieda u poġġietu taħt ordni ta’ trażżin għall-perjodu ta’ tliet snin.

Għall-akkużat dehru l-Avukati Josè Herrera u Martina Herrera. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef.