Kummerċ Lokali

Melita tesebixxi netwerk innovattiv ta’ Quantum Communications

Daniel Bonanno minn Merqury Cybersecurity waqt id-dimostrazzjoni tat-testbed ta’ netwerk ta' komunikazzjoni quantum fid-data centre ta’ Melita

Id-Data Centre ta’ Melita fil-Madliena kien il-post għal dimostrazzjoni tat-testbed ta’ netwerk ta’ komunikazzjoni quantum, li qed jiġi żviluppat u mniedi mil-proġett PRISM fuq in-netwerk tal-fibra eżistenti ta’ Melita.  Dan it-testbed netwerk ġie żviluppat bħala parti mill-proġett European Quantum Communication Infrastructure (EuroQCI), iddisinjat biex joħloq netwerk ta’ komunikazzjonijiet quantum madwar l-UE b’kapaċitajiet ta’ ċibersigurtà li huma l-aqwa fid-dinja.

Din id-dimostrazzjoni kienet pass ieħor lejn il-ħolqien ta’ netwerk ta’ komunikazzjoni quantum madwar l-UE. Tnejn min-nodi fit-testbed netwerk ta’ Malta kienu konnessi ma’ Sqallija, bid-dimostrazzjoni tipprovdi lil dawk li attendew l-opportunità li jaraw l-apparat ta’ Quantum Key Distribution (QKD) li qed jintuża biex jiffaċilita quantum link mal-Italja.

James Spina, Uffiċjal Kap tat-Teknoloġija ta’ Melita Limited, qal: “It-tnedija ta’ netwerk ta’ komunikazzjoni quantum madwar l-UE se tkun kritika biex tiggarantixxi komunikazzjonijiet siguri fil-futur. Melita, flimkien mal-imsieħba tagħha fil-Konsorzju PRISM, qed tmexxi t-triq biex tistabbilixxi kif tali quantum netwerks joperaw fuq netwerks kummerċjali eżistenti tal-fibra u biex jiġu stabbiliti l-istandards li għandhom jiġu adottati mill-proġett EuroQCI. Din mhix biss approvazzjoni kbira tal-infrastruttura teknika ta’ Melita iżda wkoll tal-kapaċitajiet ta’ Malta fl-oqsma tal-fiżika u l-inġinerija kwantistika.”

André Xuereb, Professur tal-Fiżika fl-Università ta’ Malta u fundatur ta’ Merqury Cybersecurity, sieħeb tekniku ewlieni fil-konsorzju PRISM, qal: “Id-dimostrazzjoni fil-Melita Data Centre kienet tifforma parti minn sensiela ta’ attivitajiet ta’ ġimgħa li saru f’Malta matul liema delegati tal-ETSI (European Telecommunications Standards Institute) setgħu jkomplu bil-ħidma tagħhom biex jiżviluppaw il-pjan direzzjonali tal-istandardizzazzjoni għat-teknoloġiji quantum. Ix-xogħol li qed isir f’Malta mill-Konsorzju PRISM qed iħejji s-sisien għal netwerk ta’ komunikazzjoni quantum li se jagħmel il-komunikazzjoni impermeabbli għal theddid ġdid bħal dak li jippreżentaw il-quantum kompjuters – issa u fil-futur. Ilkoll għandna nkunu kburin bil-fatt li Malta qed taqdi rwol daqshekk importanti f’dan il-proġett tant importanti.”

Aktar informazzjoni dwar il-ħidma tal-proġett PRISM tista’ ssibha fuq https://prism-euroqci.eu/