Lokali Qorti

Multa ta’ €2,000 talli weġġa’ sewwieqa wara li baqa’ ħiereġ minn fuq stop sign bi trakk

Raġel ta’ 50 sena mill-Imqabba ġie mmultat €2,000 wara li nstab ħati li baqa’ ħiereġ minn fuq stop sign u baqa’ dieħel bit-trakk li kien qed isuq f’karozza misjuqa minn mara li magħha kellha lil bintha ta’ tmien snin.

Leonard Spiteri nstab ħati li fil-25 ta’ Marzu 2023, għall-ħabta tat-3.30pm fi Vjal il-Blue Grotto fiż-Żurrieq, saq karozza bi traskuraġni u kkaġuna ġrieħi ħfief fuq il mara.

Huwa nstab ħati wkoll li saq meta ma kienx f’kundizzjoni li jsuq minħabba xorb jew drogi u li naqas li jagħti kampjun tan-nifs. Il-vittma qalet fil-Qorti li dakinhar kienet qed twassal lil bintha għal attività sportiva.

Kif avviċinat ir-roundabout li ħafna jsibuha bħala “tal-bebbux”, rat trakk li baqa’ ħiereġ u għalkemm ippruvat tevitah daħal ġo fiha. L-omm irrakkunatat kif kienet inkwetata minħabba li bintha tbati mill-awtiżmu u kienet aġitata waqt li xehdet ukoll kif sofriet ġrieħi fl-irkiekel f’daharha u l-konsulent qalilha li kellha diżabbiltà ta’ 6% anke għax kellha inċident ieħor fil-passat.

Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace sabet lil Spiteri ħati tat-tliet akkużi miġjubin kontrih u minbarra l-€2,000 multa, issospendietlu l-liċenzji tas-sewqan għal sitt xhur u naqqsitlu 10 punti minnhom.