Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace immultat is-somma ta’ €5,000 lil omm ta’ 51 sena minn-Naxxar talli fetħet il-posta ta’ binha li kien fiha data ta’ appuntament mediku. L-omm kienet tressqet il-Qorti u kkontestat l-akkużi li fixklet lil binha milli jkollu pussess ta’ ħwejġu u ma ħallietx isir kunsinna ta’ posta.
Il-Qorti semgħet kif it-tifel ippreżenta kwerela fil-Qorti kontra ommu u spjega li huwa għandu relazzjoni ħażina magħha, tant li hemm proċeduri oħra għaddejjin dwar dan. Qal li fl-indirizz fejn tgħix ommu rċieva xi ittri importanti li kien fihom id-data ta’ appuntament ta’ natura medika. Sostna kif fl-2023 ċemplitlu dwar il-posta u qaltlu li fetħitlu envelope u sabitlu l-appuntamenti.
Mistoqsi kif l-ittri waslu fl-indirizz ta’ ommu, hu qal li kien hemm żball fis-sistema tal-Gvern u li l-ittri tiegħu baqgħu jintbagħtu fid-dar ta’ ommu. Meta xehdet fil-Qorti, l-omm qalet li fetħet il-posta ta’ binha “għax ma riditux jitlef appuntament”.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li l-ewwel akkuża hija biss alternattiva għat-tieni akkuża “li huwa reat l-aktar gravi”. Hi semmiet li l-omm stess ammettiet li fetħet l-ittri iżda qalet ukoll li l-iben kellu jagħmel minn kollox biex jara li l-posta tasal għandu, ladarba r-relazzjoni ma’ ommu kienet daqshekk ħażina.
Fid-dawl li l-ittri ngħataw lill-iben, il-Qorti qalet li l-omm m’għandhiex tintbagħat il-ħabs u li multa ta’ €5,000 hija biżżejjed.
L-Ispettur Joseph Mallia mexxa l-Prosekuzzjoni.
//= $special ?>