Lokali

OPINJONI: Boxxla għal Direzzjoni Ġdida

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fi tmiem il-ġimgħa spjega kif Robert Abela huwa Gvern tad-‘delay’, jiġifieri Gvern li jipposponi dak kollu li għandu bżonn direzzjoni immedjata. (Ritratt: Catriel Farrugia)
Pajjiżna, mela mhux biss għandu bżonn mappa, imma għandu bżonn boxxla biex tmexxih lejn id-destinazzjoni li rriduh imur fiha

mid-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri

F’mument fejn il-Gvern tal-Partit Laburista mmexxi minn Robert Abela jidhirlu li jista’ jikkontrolla kollox, u saħansitra lil kulħadd, il-Partit Nazzjonalista jista’ jirrispondi biss billi jkompli jkun xprun għall-verità u jippreżentaha lin-nies li trid direzzjoni ġdida fil-mod ta’ kif jitmexxa dan il-pajjiż.

In-nies illum qed tintebaħ, li l-Gvern ta’ Abela huwa wieħed reattiv u jaġixxi meta jkun hemm kritika fil-konfront tiegħu. Imma, il-Gvern ta’ Abela jaf ukoll ikun proattiv, jekk jara li jkun jaqbillu jieħu l-inizjattiva f’idejh bħalma qiegħed jagħmel bil-liġi tal-Inkjesti Maġisterjali li biha jrid isikket liċ-ċittadin u jwieżen lill-kriminali.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fi tmiem il-ġimgħa spjega kif Robert Abela huwa Gvern tad-‘delay’, jiġifieri Gvern li jipposponi dak kollu li għandu bżonn direzzjoni immedjata.

Huwa evidenti li Robert Abela mhux jieħu d-deċiżjonijiet f’waqthom, imma jistenna l-mument li jaqbel lilu u lill-Partit Laburista u ħafna drabi dan ikun tard wisq.

Nistgħu nieħdu bħala eżempju perfett il-kwistjonijiet, li llum qed jinbidlu fi kriżijiet u li minħabba fihom qed jintlaqat il-poplu kollu, tal-Isptar u tal-MCAST. Quddiem dawn il-kriżijiet, il-Gvern ma għandux tweġiba, il-Gvern ma għandux soluzzjoni, għax il-Gvern tilef id-direzzjoni morali u politiku tiegħu. U f’ċirkostanza bħal dawn, l-uniku mezz li jifdallu huwa li jattakka lill-istess unions li magħhom qiegħed f’konfront u lill-Oppożizzjoni li qiegħda ssemma’ leħen in-nies affettwati u milquta mill-problemi li qed jikkawżaw dawn il-kriżijiet li qegħdin itebbgħu l-amministrazzjoni ta’ Abela.

John Attard Montalto kkummenta kif il-pajjiż jeħtieġlu direzzjoni ġdida, u dan mhux qiegħed jgħidu b’pika jew b’malizzja, imma qiegħed jgħidu bil-mod dirett kif jgħiduh in-nies. Mhux l-ewwel darba li anki Alfred Sant ikkritika bil-mod sottili tiegħu li l-pajjiż mhux miexi fid-direzzjoni li tixraqlu. Minkejja dan, in-nies qiegħda titkellem, issemma’ leħinha u qiegħda turi li l-pajjiż irid Gvern kontabbli u li jinteressah min-nies. Għalhekk, ma jistax ikollna Gvern tad-‘delay’, li jaġixxi meta jkun tard wisq, ġeneralment għall-problemi li jkun ġab huwa stess.

Jiċċaqlaq meta jaqbillu

Il-Gvern jorqod fuq il-ħtiġijiet tal-pajjiż. Pereżempju, wara 87 xahar mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, pajjiżna għadu bla verità u bla ġustizzja u bi Prim Ministru li kiser il-wegħda tiegħu stess li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika.

Robert Abela, għax hekk jaqbillu, warrab ir-rapport tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u ma għamel xejn fuqu għal aktar minn tliet snin u ħames xhur u ma wettaq l-ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet li għamlu t-tliet Imħallfin fl-inkjesta pubblika. Fl-istess waqt, meta beda jipprova jnessi lill-poplu dan kollu, l-allegat mandant tal-qtil, Yorgen Fenech, issa jinsab barra fuq ‘bail’ għax baqa’ ma sar assolutament xejn.

Eżempju ieħor jintrabat ma’ 17 Black. Il-poplu Malti jaf min huma dawk li ħadmu biex jiffrodaw lill-poplu mill-‘power station’ li kienet il-wegħda ewlenija qabel l-elezzjoni tal-2013. Huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li l-Inkjesta Maġisterjali tiġi pubblikata b’mod sħiħ, u sal-lum Robert Abela jibqa’ jagħżel li jżomm mal-frodisti u mhux mal-poplu Malti.

Ovvjament, ma nistax ma nsemmix il-liġi tal-Inkjesti Maġisterjali li għaliha qed jipproponi emendi leġiżlattivi li jirrestrinġu liċ-ċittadin u jiddefendu lill-politiċi kriminali. Bħalma spjegaw diversi edituri, professjonisti legali, opinjonisti u politiċi rtirati, dan huwa biss att perikoluż li se jwassal għal tibdil li jaqdi lil min għandu l-faħam miblul.

Il-Prim Ministru ta diversi fehmiet differenti għal dak li jrid jipproponi, u li sal-lum għad hemm ħafna dubji ta’ xi jrid jagħmel u r-raġuni vera wara dan it-tibdil.

Irrid nagħlaq dan l-artiklu billi nagħmel referenza għall-ktieb ta’ Jeff Howe, Whiplash: How to Survive Our Faster Future. Hu jikteb hekk: F’dinja dejjem aktar imprevedibbli li tinbidel b’mod mgħaġġel, jekk ikollok mappa dettaljata tistaʼ twassalek fil-fond ta’ bosk bi spejjeż mhux neċessarji. Madankollu, boxxla tajba, għandha dejjem twasslek fejn għandek bżonn.

Dan ma jfissirx li għandek tibda l-vjaġġ tiegħek mingħajr ebda idea fejn trid tasal, imma jfisser li għalkemm it-triq jaf ma tkunx faċli, għandek dejjem tasal qabel u b’effiċjenza. Pajjiżna, mela mhux biss għandu bżonn mappa, imma għandu bżonn boxxla biex tmexxih lejn id-destinazzjoni li rriduh imur fiha. Ilkoll nafu, li pajjiżna għandu bżonn direzzjoni ġdida (u din hija l-mappa), nafu li l-Gvern ma għandux boxxla u nafu wkoll li l-Partit Nazzjonalista jista’ joffri l-boxxla politika li lkoll neħtieġu.