Lokali Qorti

Revokat il-permess għall-pixxina fil-Wied ta’ Marsalforn

Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Mark Chetcuti rrevokat il-permess għall-pixxina f’zona ODZ fil-Wied ta’ Marsalforn fil-lokalità tax-Xagħra. F’Ġunju tal-2022, l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) kienet ħarġet il-permess għal dan l-iżvilupp illegali u distruttiv.

L-appell għal dan l-iżvilupp kien sar minn Moviment Graffiti, Din l-Art Ħelwa, Għawdix, Wirt Għawdex,
Flimkien għal Ambjent Ahjar (FAA) u l-Kunsill Lokali Xagħra kontra l-Awtorità tal-Ippjanar li kienet ħarġet il-permess biex jinbena pool u l-ħajt tas-sejjieħ fil-madwar.

Il-Qorti, fil-funzjoni tagħha ta’ Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar, qalet fid-deċiżjoni tagħha li kull kostatazzjoni, konsiderazzjoni u konkluzjoni tat-Tribunal kienu żbaljati fil-liġi u li għalhekk kellu jwassal għar-rifjut tal-applikazzjoni għax tmur kontra l-policy speċifika li tirregola l-iżvilupp.

Is-sit jifforma parti minn żvilupp residenzjali u jinsab fi Triq Marsalforn, ix-Xagħra. L-appellanti kienu ppreżentaw disa’ aggravji kontra l-iżvilupp li jinkludu li s-sit huwa denominat fil-Pjan Lokali bħala GZ-Edge 2, u l-iżvilupp approvat huwa bi ksur ta’ din il-policy għaliex l-approvazzjoni ta’ pixxina tista’ ssir biss f’zona fejn diġà jkun hemm ġonna eżistenti u stabbiliti, u meta tali żvilupp ikun jikkomplimenta l-karateristika sensittiva fit-tarf tal-linja.

Ingħad ukoll li l-iżvilupp approvat huwa bi ksur tal-Pjan Lokali stante li dan jikkonsisti fi żvilupp li jaqa’ fiz-zona ta’ Urban Conservation Area Buffer Zone stipulata bħala zona ta’ 50 metru ‘l barra mil-linja li tindika z-zona tal-UCA.

Li l-iżvilupp approvat mhux neċċessarju li jsir f’zona rurali, bl-iżvilupp huwa wkoll bi ksur ta’ Thematic Objective 1.10 u Rural Objective 4 tal-istess pjan. Li hemm ukoll ksur ta’ Policy 1.2H tar-Rural Policy and Design Guidance (RPDG) 2014 li titlob protezzjoni ta’ features rurali.

Ingħad ukoll li l-Kummissjoni tal-Ippjanar naqset milli timxi mad-dispożizzjonijiet minħabba li l-iżvilupp jinkludi l-introduzzjoni ta’ ħitan li jwasslu għal frammentazzjoni u formalizzazzjoni ta’ sit rurali. Illi kien hemm ksur tal-Artiklu 52 ta’ Kapitlu 552 tal-Liġijiet ta’ Malta minħabba li l-Kummissjoni tal-Ippjanar ma segwitx l-ordni ta’ preċedenza fuq Pjani Lokali u Policies mingħajr ma spjegat jew tat raġuni għala.

It-telf ta’ karatteristici tal-pajsaġġ fil-gżira ta’ Għawdex hija raġuni oħra. L-appellanti lmentaw ukoll li wara r-reviżjoni tal-pjanti, il-Kummissjoni naqset milli terġa’ tikkonsulta lil entitajiet inkluż l-ERA, SCH u DAC, u li injorat oġġezzjonijiet oħra ta’ terzi.

Ingħad ukoll li l-Kummissjoni tal-Ippjanar naqset milli ssegwi l-proċeduri mandatorji elenkati fil-leġiżlazzjoni sussidjarja minħabba li l-applikazzjoni ġiet differità mingħajr mal-membri esprimew opinjoni proviżorja fuq ir-rakkomandazzjoni tal-case officer.

Kienu argumentaw ukoll li mhuwiex fil-mandat tal-Kummissjoni li taġixxi bħala konsulent tal-applikant, u li tali aġir qed iħeġġeġ b’mod attiv l-użu rregolari tal-ODZ. Barra minn hekk l-appellanti indikaw li ma hemmx xi informazzjoni mandatorja li kellha tiġi ppreżentata fl-applikazzjoni, jew li kellhomx aċċess għal tali informazzjoni.

Il-Qorti ma qablet xejn mal-argumenti tat-tribunal tal-Awtorità tal-Ippjanar fosthom li assuma li l-pixxina proposta qegħda fil-ġnien li fih ġiet approvata z-zona tal-pixxina. Il-Qorti qalet li din hi asserzjoni mhix prova li dwarha saret u agħar minn hekk ma ntalbet ebda prova kif f’dan il-każ it-Tribunal kien obbligat li jagħmel.

Il-fatt li fir-ritratti mill-ajru tal-1967 jidhru ħitan tas-sejjiegħ, ma jfissirx li kien hemm ġnien. Jidhru ħitan oħra tas-sejjiegħ f’partijiet oħra tal-wied, kif jidher mir-ritratti esibiti fl-atti, imma dan ma jfissirx li kien hemm ġonna stabbiliti.

Ma jirriżulta minn imkien li f’din il-parti tas-sit li fiha hemm applikazzjoni għal pixxina, hemm ġonna
stabbiliti u eżistenti fis-sens li kienu parti minn xi permess ta’ żvilupp. Kulma jirriżulta mill-atti hu li l-pixxina qed tifforma parti minn bitħa approvata fil-permess preċedenti.