Albaniż ta’ 34 sena, ġie kkundannat sena ħabs sospiża għal erba’ snin wara li nqabad bil-kokaina waqt roadblock. Hekk kif twaqqaf mill-Pulizija u ntalab biex juri l-liċenzja u l-polza tas-sigurtà, ġie skopert li ma kellux. Huwa ammetta l-akkużi kollha kontrih, bil-Qorti tikkonsidra l-ammissjoni bikrija tiegħu.
Tahir Abazi, li m’għandux indirizz fiss, instab ħati li fit-13 ta’ Jannar inqabad bid-droga waqt roadblock fil-bypass tal-Imrieħel. Ma’ dan huwa kien akkużat li għamel dikjarazzjoni falza u ta informazzjoni falza lill-Pulizija.
Il-Qorti semgħet kif Abazi kien twaqqaf fi Triq is-Sebħ u meta l-Pulizija waqqfuh u talbuh id-dokumenti, huwa ma ta ebda dokumenti. Huwa qal lill-Pulizija li kien qed jaħdem f’ristorant f’Malta u ma aġġornax il-permess biex ikun jista’ jaħdem. Huwa lanqas tahom il-passaport u għalhekk ġie arrestat.
Meta bdiet tfittex fil-karozza, il-Pulizija sabet borża bi trab abjad. Fl-investigazzjonijiet irriżulta li Abazi għandu mandat ta’ arrest Ewropew kontrih b’rabta ma’ każ ta’ abbuż fuq minorenni. Mal-Pulizija, Abazi, qal li kienu nsterqulu d-dokumenti kollha u ma għamilx rapport.
Fil-Qorti, ir-raġel ammetta l-akkużi miġjuba kontrih. Fl-isfond ta’ dan, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, sabitu ħati u kkundannatu sena ħabs sospiżi għal erba’ snin u multa ta’ €150. Hu ġie skwalifikat milli jkollu liċenzja għal sena u ġiet ordnata d-distruzzjoni tal-kokaina.
//= $special ?>