Internazzjonali

Stati Uniti: Il-qilla tan-nirien ta’ Los Angeles dovuta  għall-bidliet fil-klima

Grupp ta’ xjenzati qablu li l-bidliet fil-klima konsistenti huma fattur kbir għall-kundizzjonijiet tan-nixfa li fost oħrajn wasslu għall-aktar nirien devastanti fl-istorja ta’ Los Angeles, fl-Istat ta’ Kalifornja, fl-Istati Uniti.

Skont l-istudju, il-kundizzjonijiet tat-temp żiedu l-probabbiltà ta’ dawn il-wildfires’ b’aktar minn 35 fil-mija. Dan meta l-istaġun magħruf għan-nirien qalb artijiet iddominati mill-foresta qed jitwal minn sena għall-oħra.

L-istudju twettaq mill-World Weather Attribution – rikonoxxut, fuq livell globali, għall-evalwazzjonijiet li jorbtu l-kundizzjoni tat-temp estrem mal-bidliet fil-klima.

Ix-xjenzati enfasizzaw li l-‘wildfires’ huma kumplikati ħafna, b’diversi fatturi jilagħbu rwol partikulari. Dan meta l-fatt li d-dinja qed issir dejjem aktar sħuna, għandu jitqies bħala fattur kontributorju għan-nirien konsistenti u fuq livell mill-aktar devastanti.

Clair Barnes, mill-Imperial College ta’ Londra u waħda mill-awturi prinċipali tar-rapport, qalet li l-kundizzjonijiet tan-nixfa qed jestendu anki sal-aħħar ġimgħat tax-xitwa u li jżidu l-potenzjal għan-nirien kbar.

Fl-aħħar nirien ta’ Los Angeles mietu tal-anqas 30, b’aktar minn 10,000 djar u stabbilimenti jinqerdu fil-fjammi li damu jinfirxu għall-ġimgħat fl-inħawi.

Intant, l-istudju ġdid indaga wkoll dwar il-kundizzjonijiet magħrufin bħala fire-prone u li kapaċi jwasslu għall-konflagrazzjonijiet tan-nirien b’element ta’ periklu kbir għall-ħajja tar-residenti.