Knisja Lokali

450 sena mit-twaqqif tal-Fratellanza tas-Sagrament f’Ħal Qormi

Il-Fratellanza tas-SS. Sagrament, fi ħdan il-parroċċa San Ġorġ Martri, Ħal Qormi, qed tfakkar u tiċċelebra l-450 sena minn mindu Mons Pietro Dusina waqqaf il-fratellanza fil-5 ta’ Frar 1575.

Il-fratellanza, li llum tgħodd ‘il fuq minn 60 fratell, ħadet inizjattiva biex tagħmel diversi affarijiet u anki torganizza avvenimenti biex tiċċelebra din l-okkazzjoni importanti, fejn fosthom bdiet bil-festa ta’ Corpus Christi f’Ġunju tal-2024, fejn tat bidu biex tiftaħ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet billi stiednet lil Eccellenza Tiegħu, Mons. Charles J. Scicluna Arcisqof ta’ Malta li kkonċelebra Quddiesa Solenni kif ukoll ħa sehem fil-purċissjoni madwar it-toroq b’Ġesu Ewkaristija.

Fl-1 ta’ Frar 2025 se tiġi kkonċelebrata quddiesa għall-festa tal-Kandlora (il-festa proprja hija t-2 ta’ Frar) li hija data importanti fil-kalendarju tal-fratellanza. Marbuta ma’ din il-quddiesa se ssir ukoll purċissjoni qasira li tinkludi żjara lejn il-kappella ta’ San Pietru, li llum il-ġurnata tieħu ħsieba l-fratellanza tas-SS. Sagrament u li preżentament tintuża biex kuljum ikun espost Ġesù Sagramentat. Is-Sibt 8 ta’ Frar se tiġi kkonċelebrata quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt, biex tikkumplimenta dan l-avveniment hekk sabiħ.

Il-fratellanza xtaqet li tinkiteb l-istorja tagħha u kkummissjonat lil Joseph F. Grima, li apparti li huwa fratell fi ħdan il-fratellanza, huwa storiku ferm rispettat fil-qasam tal-istorja u riċerka biex jinkiteb dan il-ktieb. Dan il-ktieb qiegħed fażi avvanzata u mistenni li jkun ippubblikat fix-xhur li gejjin. Tlestew ukoll fuljett li fih jinkludi ritratti u informazzjoni interessanti mill-istorja tagħha. Ġew stampati ħames bolol għal din l-okkazjoni kif ukoll ħa jiġi ppubblikat fuljett bi tliet santi tal-bizzilla.

Dan il-materjal se jkun disponibbli għall-bejgħ lill-pubbliku ġenerali wkoll. Min hu mħajjar jista’ jikkunttatja xi membru tal-fratellanza, jew jibgħat fuq facebook jew jagħmel kuntatt mal-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ Martri Ħal Qormi. Apparti li jkollok rikordju sabiħ, tkun ukoll akkwistajt publikazzjonijiet b’tagħrif interessanti li qiegħed jinħareġ minn din il-fratellanza fi ħdan il-parroċċa ta’ San Ġorġ Martri, Ħal Qormi.