Internazzjonali

AĠĠORNATA: Ajruplan jiġġarraf fi xmara f’Washington DC – s’issa 67 maħsuba mejta

Titjira tal-‘American Airlines’ ħabtet f’nofs l-ajru ma’ ħelikopter militari f’Washington DC, viċin l-Ajruport Ronald Reagan.

B’riżultat li l-ajruplan baqa’ nieżel fix-xmara Potomac. Xmara li bħal issa tinsab b’temperturi baxxi immens.

L-ajruplan kien ġej mill-Istat ta’ Kansas u kien qed iġorr 60 passiġġier u erba’ membri tal-ekwipaġġ, filwaqt li tliet suldati tal-Armata Amerikana kienu abbord il-ħelikopter militari. Il-Każ seħħ għal ħabta tat-8.30pm, ħin ta’ Washington DC.

Mal-ewwel għexieren ta’ Pulizija u uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili Amerikani apparti dawk mediċi marru minnufih fuq il-post tal-ħabta, hekk kif qed jaħdmu sabiex isalvaw lil vittmi kollha.

S’issa 19-il persuna ġew misjuba u ċċertifikati mejta, madanakollu huwa maħsub li s-67 persuna involuti huma kollha mejta. Dan filwaqt li qed tkompli operazzjoni maġġuri.

F’Konferenza stampa, is-Segretarju tat-Trasport Amerikan Sean Duffy saħaq li ma stenniex li fit-tieni jum tiegħu bħala Segretarju tat-Trasport kienet ser tissokta traċedja bħal din. Hu kompla jgħid li l-għan tiegħu huwa li jiġu rikoverati il-vittmi, dan apparti li l-Ajruport Nazzjonali Ronald Reagan s’issa jinsab magħluq.

Mistoqsi dwar ir-reazzjoni tal-President Donald Trump, Duffy stqarr li l-President jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni u qiegħed f’kuntatt dirett kemm miegħu u kemm ma’ uffiċjali federali tal-Istat ta’ Washington DC

l-aħħar tiġġrif ta’ ajruplan kummerċjali Amerikan kien seħħ lura fl-2009.