Lokali

Aktar miżinformazzjoni dwar id-dikjarazzjonijiet tal-assi

Il-Gvern ta’ Robert Abela qed ikompli għaddej bit-tixrid tal-miżinformazzjoni. U din id-darba kien imiss lill-Ministru Julia Farrugia Portelli li tkompli tiżgwida lin-nies dwar id-dikjarazzjoni tal-assi.

Il-Ħamis filgħodu, il-Ministru Farrugia Portelli ppruvat tagħmel minn kollox biex ma tweġibx dwar din il-kwistjoni. Tant li wara konferenza tal-aħbarijiet ippruvat toħrog mill-bieb tal-ġenb biex tevita lill-ġurnalisti.

Meta l-verità hi li d-dikjarazzjonijiet għadhom ma ġewx ippreżentati lill-Parlament.

Robert Abela, fil-fatt, għadu ma ppublikax id-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu u tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari tiegħu għas-sena 2023 fil-Parlament.

Din l-informazzjoni hija essenzjali biex jinkixef l-abbuż ta’ poter u l-ġid li ma jistax jiġi spjegat… u hija għodda kontra t-tixħim u forom oħra ta’ koruzzjoni.

Din hi l-iktar darba li d-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-Prim Ministru, tal-Ministri u tas-Segretarji Parlamentari se jiġu ppreżentati tard fil-Parlament.

Fl-aħħar jiem ġiet ukoll irrifjutata talba għal kopja ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet tal-assi – talba li saret mill-ġurnalisti indipendenti.