Lokali

“Funeral mhux tas-soltu” – Il-Kavallier Joe M Attard

Kitba tal-Kavallier Joe M Attard.

Għadni kemm għalaqt 79 imma ma niftakar qatt li rajt funeral li fih ħadu sehem f’salt erba’ kadavri minn Malta wara li ħadd ma ndenja li jagħtihom funeral deċenti u modest. Jidher li ħadd minn nieshom ma resaq ‘il quddiem biex jieħu ħsiebhom wara mewthom jew inkella forsi ma kellhomx nieshom jew forsi ħadd minn qrabathom ma kien se jmissu xejn għax ma kellhomx x’wirt x’joffru.

Fl-erbgħinijiet nismagħhom jgħidu li kien sar funeral kbir meta luzzu għereq bejn Malta u Għawdex lejn l-aħħar ta’ Otubru u minn 27 ruħ, salvaw biss tlieta min-nies, imma l-vittmi kellhom qrabathom, ħuthom, il-ġenituri tagħhom u l-familjari li ħadu ħsieb tawhom difna kif kien xieraq. Mhux biss imma d-Dipartiment tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex għadu sal-lum ta’ kull sena jfakkar din it-tifkira b’quddiesa fuq il-vapuri tal-Gozo Channel u anke ħoloq monument fl-Imġarr biex ma jintesewx. Hekk xieraq u sewwa.

Intant, minn tant parroċċi f’Malta u Għawdex kellha tkun il-parroċċa ta’ San Gorġ martri Victoria li għażlet li tidhol għal din l-ispiża u toffri li ġġib il-mejtin minn Malta, tagħmlilhom quddiesa ‘presente cadavere’ fil-Bażilika u tidfinhom fl-oqbra tagħha fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija, limiti tax-Xewkija. Verament il-parroċċa qed tonora waħda mill-pitturi li nsibu fil-Bażilika tagħha, xogħol il-pittur żagħżugħ Rabti Manwel Farrugia. Din hi waħda mill-opri tal-Ħniena li wieħed jista’ jammira meta jirfes ‘il ġewwa mill-għatba ta’ din il-knisja parrokkjali fil-qalba tal-Belt Victoria.

Għawdxin minn kull rokna ta’ gżiritna mlew il-knisja Ġorġjana għal din l-okkażjoni li fiha ħadu sehem għadd sabiħ ta saċerdoti mmexxija mill-Arċipriet tal-Parroċċa Dun Joseph Curmi bis-sehem tal-Kor Laudate Pueri. F’kelmtejn li niseġ l-Arċipriet, huwa qal li ma kienx faċli li tasal biex tagħmel din l-okkażjoni mhix komuni u radd ħajr lill-għadd ta’ entitajiet fosthom il-Ministeru tas-Saħħa kif ukoll lill-parroċċa li ħadmu id f’id u li issa li sar dan il-pass, it-triq hija miftuħa għall-parroċċi oħra li jiddeċiedu li jagħmlu l-istess jekk qatt tinqala’ l-ħtieġa.

Huwa żied jgħid li l-pitturi li hemm f’din il-knisja li juru l-Opri tal-Ħniena mhumiex qegħdin hemm biex nammirawhom biss imma biex jekk ikun hemm bżonn inqegħduhom fil-prattika bħalma ġara. Fit-tmiem din il-lejla, tqassmu kopji tal-pubblikazzjoni li ppubblikat il-parroċċa, ta’ dawn il-Pitturi tal-Ħniena lil kull min kien preżenti.

Il-kadavri ta’ Raymond Balzan, Anthony Borg, Valerie Jean Austin u Albert Tanti qalgħu applaws qawwi meta ħallew il-presbiterju tal-Bażilika u qabdu triqthom biex jindifnu fl-oqra tal-parroċċa li hemm fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija. Jalla l-Mulej ma jdumx ma jdaħħalhom ‘il ġewwa mill-għatba tal-Genna fejn nifhem li kull maħluq jixtieq imur!