It-Tmexxija ta’ Iżrael tinsab urtata dwar kif inħelsu l-aħħar ostaġġi minn Gaza skont il-ftehim għall-iskambju ta’ priġunieri mal-grupp Ħamas. Madankollu, bħalissa, qed ikomplu jinħelsu l priġunieri Palestinjani minkejja li l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, qabel kien għażel biex jiffriża l-proċess temporanjament sakemm pajjiżu jaċċerta li l-ħelsien tal-ostaġġi jista’ ikompli b’mod anqas kaotiku
Il-grupp tal-Hamas f’Gaza, fl-aħħar sigħat , ħeles tmien ostaġġi – tlett Iżraeljani u ħames ċittadini tat-Tajlandja – li kienu ilhom xhur miċħudin mil-libertà b’konsegwenza tal-gwerra bejn it-terroristi Palestinjani u Iżrael.
Madankollu, waqt dan il-process, iddomina kaos sħiħ, bl-ewwel ostaġġ meħlusa — Agam Berger li kienet osservatur ma’ bażi militari tal-Iżraeljani – tispiċċa trasferita mill-Ħamas lill-membri tal-Organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar u minfejn il-ħaddiema ta’ fejda, imbagħad, għaddewha lura lill-militar ta’ Iżrael.
L-akbar kaos, imbagħad, irrenja waqt il-ħelsien tat-tieni ostaġġ Iżraeljan – mara oħra bl-isem Arbel Yehud –li dehret imbeżża’ u diżorjentata waqt li l-ġellieda tal-Ħamas kienu qed jgħadduha minn qalb il-folol tal-Palestinjani huma u jgħajjtu f’wiċċha…Xena li l-Prim Ministru Benjamin Netanyahu fissirha bħala ferm xokkanti.
Dan wassal biex Iżrael iżomm lura temporanjament milli jeħles mal-110 priġunieri Palestinjani mill-ħabsijiet bħala parti mill-ftehim – u li 30 minnhom kienu qed jiskontaw sentenzi ta’ ħabs għal għomorhom dwar il-qtil ta’ ċittadini u suldati Iżraeljani.
Madankollu, kollox qed jindika li l-Iżraeljani għaddejjin mill-ġdid bil-proċess għall-ħelsien ta’ xi 100 Palestinjan mill-priġunerija u skont il-patt oriġinali mal-Ħamas.
Il-Prim Ministru Netanyahu, fl-istess ħin, qal li Iżrael irid akkost ta’ kollox jaċċerta mill-ħelsien tal-ostaġġi f’ċirkustanzi li jiggarantulhom is-sigurtà. Dan wara li hu u l-Ministru tad-Difiża Iżraeljan, Israel Katz, it-tnejn esprimew dispjaċir għall-mod kif seħħ it-trasferiment tal-aħħar ostaġġi.
Intant, il-kelliema għall-Ħamas ukoll qalu li l-ħelsien ta’ priġunieri minn Iżrael kien qed ikompli u minkejja l-kumment aktar qabel ta’ Netanyahu li l-posponiment għall-proċess min-naħa ta’ pajjiżu kellu jibqa’ effettiv sakemm Iżrael ikun sodisfatt bil-kundizzjonijiet għall-ħelsien tal-ostaġġi….
Ix-xarabanks bil-priġunieri Palestinjani, bħalissa, ħerġin mill-ħabs ta’ Ofer, fix-Xatt tal-Punent, u meta sfumat il-biża’ li l-iffriżar tal-iskambju tal-priġunieri mal-ostaġġi seta’ ikompli anki sa tmiem il-ġimgħa,.
Madankollu, mistenni li l-Iżraeljani jkomplu jwettqu l-pressjoni fuq il-medjaturi biex jaċċertaw li tal-Ħamas jikkonkludu t-trasferiment tal-ostaġġi b’mod aktar ordnat u anqas perikoluż għal dawn l-individwi.
//= $special ?>