Lokali

“Il-Gvern ivvota kontra, mingħajr lanqas biss ikkonsulta”

Repubblika ttenni s-solidarjetà tagħha mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin u mal-ġurnalisti kollha li jaħdmu f’Malta taħt theddid mill-awtoritajiet Maltin, l-istess theddid li inkjesta pubblika sabet li kienet ir-responsabbiltà tal-gvern li nqatlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Hu tassew inaċċettabbli li biex inissel il-biża’ bit-theddid lill-ġurnalisti, flok jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika biex iħares il-libertà tal-kelma, il-gvern qed jhedded li jagħmilha aktar diffiċli li wieħed jipprattika l-ġurnaliżmu f’Malta. Ilbieraħ fil-Parlament, waqt li rema l-barra proposti kostruttivi tal-Oppożizzjoni, il-gvern hedded li se jżid ir-riskji legali u l-għodda f’idejn min irid jintimida lill-ġurnalisti biex jaħbi l-verità.

L-emendi li ressqet l-Oppożizzjoni lbieraħ għall-Avviż Legali li daħħal verżjoni minima tad-direttiva Ewropea anti-SLAPP saru wara konsultazzjoni effettiva mar-rappreżentanti tal-ġurnalisti. Dawk l-emendi kienu jfissru bidu tajjeb għal riformi tant meħtieġa. 

Il-vot kuntrarju tal-gvern sar mingħajr ebda konsultazzjoni ma’ ħadd. L-uniku interess li qed jipproteġi l-gvern bl-aġir tiegħu hu l-interess ta’ min irid jaħbi l-verità minn widnejn in-nies. L-uniku interess li qed jipproteġi l-gvern hu l-interess tiegħu.

Filgħaxija, il-Prim Ministru Robert Abela qal li fl-2023 il-gvern ried jagħmel tibdil fil-liġi biex, skont hu, jipproteġi lill-ġurnalisti. Huwa waħħal għall-fatt li dan it-tibdil fil-liġi qatt ma sar f’dik li sejjaħ “ir-reżistenza tas-soltu” għax dakinhar li ried jibdel il-liġi kienet saritlu talba li ssir konsultazzjoni effettiva dwar l-emendi fil-liġi.

Repubblika qalet li settur jitlob konsultazzjoni dwar tibdil fil-liġi li jolqtu, mhix “reżistenza tas-soltu”. Hi parti normali ta’ demokrazija li taħdem, fejn ikun hemm djalogu effettiv dwar tibdil fil-liġi mal-pubbliku, mas-soċjetà ċivili, u ma’ kull min jinteressah.

Fil-fatt dakinhar il-gvern wiegħed White Paper biex issir diskussjoni pubblika. Sal-lum il-White Paper għadha ma tfaċċatx.

Ir-rapport ta’ kull sena dwar is-saltna tad-dritt li tagħmel il-Kummissjoni Ewropea, sena wara sena fakkar lill-gvern li jeħtieġ jagħmel qafas formali għal konsultazzjoni effettiva dwar tibdil fil-liġi. S’issa l-gvern irrifjuta li jagħmel hekk.

It-tibdil fil-liġi li l-gvern ippropona fl-2023 lanqas jibda jimplimenta t-tibdil li rrakkomandat l-inkjesta pubblika wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. L-avviż legali dwar l-anti-SLAPP kif inhu, lanqas kien jibda jipproteġi lil Daphne Caruana Galizia mill-abbuż sistematiku li sofriet sal-ġurnata meta qatluha.

Repubblika sostniet li qed tinsisti għal konsultazzjoni effettiva, emendi fil-liġi li jirriflettu r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika, il-waqfien tat-theddid mill-gvern kontra l-ġurnalisti, u rispett mill-istituzzjonijiet għall-funzjoni essenzjali għad-demokrazija tal-kelma ħielsa.