Il-Gvern jisfiduċja l-Maġistrati u minflokhom irid ipoġġi lill-Kummissarju tal-Pulizija
Il-Gvern ikkonferma li bil-bidliet proposti minnu fil-liġi dwar l-inkjesti maġisterjali, se jċaħħad lin-nies mid-dritt li jiftħu inkjesti maġisterjali. Biex jagħmel dan Robert Abela u l-kompliċi tiegħu Jonathan Attard qed jipproponu li d-deċiżjoni dwar jekk issirx inkjesta maġisterjali jew le tibda tittieħed mill-Kummissarju tal-Pulizija. Dan ifisser li Robert Abela u Jonathan Attard iridu jaħtfu l-poter minn idejn il-Maġistrati ta’ pajjiżna u minflok jagħtuh lill-Kummissarju tal-Pulizija. Dan huwa vot ta’ sfiduċja mill-Gvern fil-Maġistrati ta’ pajjiżna.
Huwa skandaluż li l-Gvern qiegħed ukoll jipproponi li għandu jkun iċ-ċittadin li jinvestiga, jiġbor u jippreżenta l-provi quddiem l-awtoritajiet meta dan huwa proprju r-rwol u l-għan ewlieni tal-Maġistrat f’inkjesta maġisterjali.
Agħar minn hekk il-Gvern qed iżid bil-kbir il-livell ta’ prova li jrid jintlaħaq biex tinfetaħ inkjesta maġisterjali minn prima facie (jiġifieri bejn il-possibbli u l-probabbli) għal bilanċ ta’ probabbiltà.
Minkejja l-konferenza tal-aħbarijiet li indirizzaw Robert Abela u Jonathan Attard li fiha kienu selettivi ħafna x’qalu, il-Gvern qed jibqa’ jaħbi l-abbozz ta’ liġi biex ma jagħtix id-dettalji kollha tal-bidliet. Għalhekk il-Gvern qed iċaħħad lill-poplu Malti u Għawdxi mid-dritt tiegħu li jkun jista’ jara b’għajnejh il-mod oxxen li bih Robert Abela u Jonathan Attard iridu jbiddlu l-liġi ta’ pajjiż u jaħtfu aktar poter f’idejhom permezz tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-Partit Nazzjonalista jinsab determinat li jirreżisti u jiġġieled bil-qawwa kollha dak li jridu jagħmlu Robert Abela u Jonathan Attard, permezz ta’ azzjonijiet fil-Parlament, fil-Qrati u fit-toroq ta’ pajjiżna.
Robert Abela huwa mwerwer mill-verità u mill-ġustizzja għax jaf li bħal ta’ qablu qed imexxi Gvern mifni bil-korruzzjoni, b’Ministru wieħed wara l-ieħor jinqabdu f’każijiet serji ta’ korruzzjoni, abbużi ta’ poter u tħanżir.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li huwa biss min abbuża u wettaq reati serji bħall-korruzzjoni, il-frodi, is-serq, l-abbuż ta’ poter u l-ħasil tal-flus li għandu għalfejn jinkwieta mill-ġustizzja u mill-impenn sħiħ tal-Imħallfin u tal-Maġistrati ta’ pajjiżna li jikxfu l-verità.
Karol Aquilina – Shadow Minister għall-Ġustizzja
//= $special ?>