Gvern li jrid iħares bis-serjetà s-sigurtà tal-Maltin ma jħallihomx mingħajr għases tal-pulizija miftuħin fil-lokalitajiet u jagħmel it-tibdiliet meħtieġa biex il-Korp tal-Pulizija jkun aktar effiċjenti u biex aktar nies ikun inċentivati biex jissieħbu fih.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-għassa magħluqa fl-Imsida, ix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Darren Carabott elenka lista sħiħa ta’ lokalitajiet li m’għandhomx għassa biex isservi l-ħtiġijiet tar-residenti. Huwa spjega kif:
· Jekk int minn Santa Venera jew minn Tal-Pietà, trid tmur ġo container fil-Ħamrun.
· Jekk int minn Ħaż-Żebbuġ, trid tmur Ħal Qormi.
· Jekk int mill-Mellieħa, trid tmur il-Qawra.
· Jekk int mis-Swieqi, minn San Ġiljan jew minn Pembroke, trid tmur San Ġiljan.
· Jekk int minn Ħal Għargħur, trid tmur in-Naxxar.
· Jekk int mill-Gżira jew mill-Imsida, trid tmur Tas-Sliema.
· Jekk int minn Ħ’Attard jew minn Ħal Balzan, trid tmur Birkirkara.
· Jekk int mir-Rabat, minn Ħad-Dingli jew mill-Imdina, trid tmur l-Imtarfa.
· Jekk int mill-Kalkara, mill-Isla, jew mill-Birgu, trid tmur Bormla.
· Jekk int mix-Xgħajra, trid tmur Ħaż-Żabbar.
· Jekk int mill-Fgura, minn Ħal Luqa jew minn Ħal Tarxien, trid tmur Raħal Ġdid.
· Jekk int mill-Imqabba, minn Ħal Kirkop, jew minn Ħal Safi, trid tmur iż-Żejtun.
· Jekk int mill-Qrendi, trid tmur iż-Żurrieq.
· Jekk int mill-Imġarr, trid tmur il-Mosta.
· Jekk int minn Għawdex, trid tmur jew ir-Rabat jew l-Imġarr, u kultant Marsalfornmeta jkun hemm pulizija tal-komunità disponibbli li juża l-għassa bħal uffiċċju.
Id-Deputat Nazzjonalista rringrazzja lill-membri tal-Korp li jaħdmu bir-riżorsi limitati li għandhom iżda qal li pajjiżna jeħtieġ jinvesti aktar biex kull ċittadin iħossu sigur fil-lokalità tiegħu.
Indirizza wkoll din il-konferenza tal-aħbarijiet is-Sindku tal-Imsida Charles Selvaggi li fakkar kif il-Misidjani ilhom kważi 500 jum mingħajr għassa.
L-għassa tal-Imsida ngħalqet f’Ottubru tal-2023 suppost temporanjament biex isirulha xogħlijiet ta’ ristrutturar. Madankollu x-xogħol ilu wieqaf ix-xhur.
Huwa qal li l-Kunsill ma ġiex infurmat għalfejn ix-xogħlijiet huma weqfin u lanqas għandu indikazzjoni ta’ meta se jitkomplu u jitlestew, minkejja li dan kellu jkun għeluq “temporanju”.
Charles Selvaggi semma numru ta’ każijiet ta’ serq fl-Imsida li kienu rrappurtati fil-media, u qal li dan waħdu juri l-ħtieġa kbira li jkun hemm għassa miftuħa 24 siegħa kuljum fil-lokalità
Mhux biżżejjed li l-Misidjani tħallew mingħajr għassa miftuħa 24 siegħa, imma talli qed jinħoloq inkonvenjent kbir għar-residenti – li diġà għandhom l-inkonvenjent tax-xogħlijiet l-oħra li hemm fil-madwar – li jkollhom jgħaddu minn passaġġ dejjaq minħabba l-iscaffolding li hemm madwar l-għassa kollha.
Huwa spjega li l-Kunsill Lokali tal-Imsida kiteb lill-Ministru Byron Camilleri u offrielu parti mill-binja tal-Kunsill biex tintuża bħala għassa li tkun miftuħa 24 siegħa kuljum sabiex taqdi l-bżonnijiet kollha tar-resident. Madanakollu sal-lum il-Ministru għadu ma weġibx, u l-Misidjani għandhom biss pulizija bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa għal ftit sigħat.
Dan, qal is-Sindku, mhuwiex biżżejjed biex ilaħħaq mal-bżonnijiet ta’ lokalità kosmopolitana bħal ma hi l-Imsida.
Il-Partit Nazzjonalista qed jibqa’ jinsisti li kull resident għandu d-dritt għas-serħan il-moħħ li s-sigurtà tiegħu qed tiġi mħarsa, għax is-sigurtà hija prijorità.
Bl-għases magħluqin, il-Gvern qed jurina li għalih is-sigurtà tal-Maltin mhjiex importanti.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-kunsillieri l-oħra tal-Partit Nazzjonalista fl-Imsida.
//= $special ?>