Lokali

Il-Kamra tal-Kummerċ tappella għal riforma parlamentari

Il-Kamra tal-Kummerċ preżentat żewġ rapporti li jiffukaw fuq il-ħlasijiet li jirċievu l-membri Parlamentari u fuq ix-xogħol importanti tad-deputati – dan sabiex tiżdied it-trasparenza, il-kontabbiltà u l-governanza tajba.

Waqt il-preżentazzjoni ta’ dawn ir-rapporti, il-Head of Policy Kevin Mizzi iffoka fuq ir-rakkomanazzjonijiet li ħarġet bihom iċ-Chamber.

Fost l-oħrajn, il-Kamra tal-Kummerc qed tappella biex tinżamm is-sistema tal-wirt tal-voti, iżda għandhom jiġu indirizzati ċertu nuqqasijiet.

Hemm focus ukoll fuq il-fatt li l-Parlament għandu jkun iżgħar fin-numru – 45 deputat, u mhux 79 kif qiegħed bħalissa. Dan apparti li jingħata spazju lit-tielet partit, skont il-voti li jġib fuq livell nazzjonali.

Rakkomandazzjonijiet oħra jinkludu: li titneħħa l-co-option, li d-distretti jinżlu għal ħamsa, u li jiddaħħal il-kunċett ta’ persuni teknokratiċi fil-Gvern.

F’dawn ir-rapporti, il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi li d-deputati jkunu full-time….u li jiżdied il-ħlas għall-Prim Ministru, il-Ministri, il-Kap tal-Oppożizzjoni u d-deputati l-oħrajn.

B’dawn il-proposti, iċ-Chamber qed tħares lejn sistema aktar ġusta, u t-tisħiħ tal-governanza f’pajjiżna.