Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-kampanja ta’ gideb, vilifikazzjoni u mibegħda li l-Partit Laburista u l-esponenti tiegħu qed jagħmlu kontra x-Shadow Minister għall-Ġustizzja Karol Aquilina. Huwa ċar li l-għan tal-kampanja tal-Partit Laburista huwa l-inċitament għall-vjolenza kontra d-Deputat Karol Aquilina u għalhekk dan ipoġġu lilu u lill-familja tiegħu f’periklu ċar.
Bħala parti minn din il-kampanja l-Partit Laburista issa qiegħed jirrikorri għall-gideb kontra d-Deputat Karol Aquilina. Saħansitra l-ġimgħa li għaddiet Robert Abela stieden lid-Deputat Karol Aquilina għall-ġlied meta fil-Parlament ripetutament qallu “Oħroġ barra, ħa nurik!”. Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li matul l-aħħar ftit snin kienu diversi l-persuni li nstabu ħatja mill-Qrati ta’ pajjiżna b’hate speech fil-konfront tad-Deputat Karol Aquilina.
Hija gidba dak li qed jgħid il-Partit Laburista fil-konfront tad-Deputat Karol Aquilina. L-imġiba tad-Deputat Karol Aquilina fil-Parlament kienet waħda serja, dinjituża u ta’ rispett u fl-ebda ħin ma’ daħak jew għadda xi kummenti lill-Onorevoli Carmelo Abela. Dan kollu jista’ jiġi kkonfermat mir-rappreżentanti tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin li kienu wkoll preżenti fl-istrangers gallery tal-Parlament.
Dan kollu juri li l-Partit Laburista ma tgħallem assolutament xejn mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u qed jibqa’ juża l-istess tattiċi moqżieża tiegħu fil-konfront ta’ min jikkritikah u jikxef l-korruzzjoni tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li d-Deputat Karol Aquilina diġà kien vittma ta’ frame-up li sar fuqu mill-Partit Laburista u mill-midja tiegħu u li s’issa l-Partit Laburista għadu m’għamilx apoloġija dwaru.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar ukoll li kien sar ukoll tenattiv ta’ frame-up fuq id-Deputat Karol Aquilina u fuq diversi Deputati oħra tal-Partit Nazzjonalista meta f’Marzu 2019 intbagħtulhom pakketti li kien fihom id-droga. Dan il-każ għadu s’issa ma ġiex solvut mill-Pulizija minkejja li saret inkjesta maġisterjali.
//= $special ?>