Jgħid x’jgħid il-Gvern u tipprova kemm tipprova sserħilna rasna l-Ministru Miriam Dalli, iż-żieda fit-tariffi amministrattivi mħabbra mill-Beverage Container Refund Scheme (BCRS) għall-importaturi u l-produtturi tax-xorb jidher li se jkun qed ibatiha għal darba oħra l-konsumatur.
Iż-żidiet jolqtu l-kontenituri kollha tax-xorb – sew tal-plastik kif ukoll dawk tal-ħġieġ, aluminju jew azzar – inkluż l-ilma, b’kull pakkett ilma se jara żieda fil-prezz ta’ sitt ċenteżmi. It-tariffi l-ġodda jvarjaw skont jekk il-prodott ikunx lokali jew impurtat, bir-rati jvarjaw minn żieda ta’ 54% fil-każ ta’ xi fliexken tal-ħġieġ, għal 143% fil-każ ta’ kontenituri tal-aluminju.
Il-PN qal fi stqarrija li ħafna qed jantiċipaw li din it-taxxa ġdida – bl-iskuża ta’ dawk li qed jiġu deskritti bħala aġġustamenti bl-iskop li jindirizzaw l-ispejjeż dejjem jiżdiedu tas-sistema li tiġbor u tirriċkla l-fliexken – se ġġib magħha żieda fil-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti għall-konsumaturi li diġà qed iħallsu aktar għal kull flixkun kemm ilha li ddaħħlet l-iskema tal-BCRS.
Filwaqt li l-10 ċenteżmi addizzjonali se jibqgħu jingħataw lura mill-magni tal-BCRS, mhux l-istess jidher li se jiġri b’din iż-żieda u l-Gvern għadu sa issa ma kkjarifikax eżatt x’se jkun qed jiġri mill-1 ta’ Frar meta dan it-tibdil jidħol fis-seħħ.
L-unika ħaġa li nafu hi li l-Ministru Miriam Dalli, f’post fuq Facebook, waħħlet fil-privat u qaltilna li mhuwiex il-Gvern qed idaħħal dawn iż-żidiet f’dan il-każ, imma l-operatur privat li jħaddem is-sistema. Il-Ministru Dalli ppruvat isserħilna rasna wkoll li din ma għandha x’taqsam xejn mas-sistema tad-depożitu tal-fliexken mill-konsumatur u li mhijiex taxxa ġdida.
Daħħalhom min daħħalhom dawn iż-żidiet, hux il-Gvern inkella l-BCRS, il-PN sostna li kien il-Gvern li ffirma l-kuntratt mal-operatur privat tal-iskema u wieħed jistaqsi allura jekk dawn għandhomx imniżżel fil-ftehim milħuq mal-Gvern li jistgħu jaqbdu, meta jridu, iżidu l-prezzijiet.
Miriam Dalli qaltilna wkoll li mhix sodisfatta bil-livell ta’ servizz li qed joffru l-operaturi tal-BCRS u li l-konsumatur għandu jkun stmat b’aktar rispett u effiċjenza.
Bit-tgergir u n-nuqqas ta’ sodisfazzjon ta’ Miriam Dalli m’aħna se naslu mkien. Mingħand il-Ministru Dalli u l-Gvern, il-poplu qed jistenna garanzija li l-prezzijiet mhux se jkunu qed jogħlew – xejn inqas u xejn iżjed.
Il-PN saħaq li dak li għandu bżonn jagħmel il-Gvern hu li jiżgura li l-ħajja ma tkomplix togħla u li l-konsumatur ma jkomplix iġorr il-piż taż-żidiet kontinwi fl-aktar prodotti essenzjali li jikkonsma ta’ kuljum.
//= $special ?>