Kultura Lokali

Kunċert b’mużika u te għal kawża tajba

Kor taż-żgħażagħ minn Għawdex, bl-isem ta’ Schola Cantorum Jubilate (SCJ), qed jorganizza l-kunċert ‘3Ts – Tea, Tunes, Togetherness’ – nhar il-Ħadd biex jiġbor fondi għall-proġetti mmexxija minn The Malta Trust Foundation, f’Għawdex.

Immexxijja mill-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, il-Malta Trust Foundation taħdem għal soluzzjonijiet sostenibbli li jindirizzaw il-faqar u l-vulnerabbiltà, b’enfasi fuq id-diżabbiltà, is-saħħa mentali u l-benessri, l-edukazzjoni (kemm formali kif ukoll mhux formali) u l-empowerment taż-żgħażagħ.

Il-kunċert – ħin melodiku li jgħaqqad lin-nies għal kikkra te tajba, ftit ħelu u forom differenti ta’ arti – se jimmarka l-ewwel avveniment f’lista ta’ ċelebrazzjonijiet ta’ SCJ għall-25 anniversarju tiegħu.

Is-solisti tal-SCJ – Marouska Attard, Hannah Tong, Bianca Simone u James Agius – se jesegwixxu repertorju ġuvjali, mimli mumenti drammatiċi u varjati.

Il-programm jinkludi biċċiet ta’ Donizetti, Rossini, Bizet, Tosti, Head u l-mibki Prof Joe Vella. Il-kunċert se jilħaq il-qofol tiegħu b’arranġament speċjali ta’ xogħlijiet lokali mill-kompożitur Paul Portelli. Barra minn hekk, se jkun hemm qari tax-xogħlijiet ta’ Alda Merini, immirati biex iqajmu kuxjenza dwar is-saħħa mentali u l-benessri f’soċjetà diversa u popolata żżejjed.

L-artisti Għawdxin Vince Caruana, Paul Stellini, Chris Saliba, Maria Cassar u Jeremy Spiteri se jżewqu lill-avveniment b’esebiti mill-istudjos tagħhom.

Il-kunċert tat-3Ts se jsir il-Ħadd, 2 ta’ Frar, fit-3.30pm, f’Ta’ Frenċ Courtyard, f’Għawdex. Id-dħul huwa b’biljett: dawk interessati jistgħu jimlew formola ta’ pre-booking u jsegwu l-istruzzjonijiet biex jixtru l-biljetti, li jiswew €40 kull wieħed. Il-qligħ se jmur għal The Malta Trust Foundation.

Għal aktar dettalji, ikkuntattja lil Schola Cantorum Jubilate bl-email fuq info@scjchoir.com jew fuq 7945 0950.