Missier it-tfajla Taljana li waqgħet 4 sulari minn gallarija ta’ lukanda f’Paceville wasal f’pajjiżna fl-aħħar sigħat, hekk kif il-media Taljana għadha qed issegwi mill-qrib dan il-każ – li żgur ma kienx każ ta’ attentat suwiċidju kif oriġinarjament qalulna l-Pulizija.
Net News jista’ jikkonferma li hawn ukoll f’pajjiżna oħt Claudia.
F’Mater Dei, it-tfajla ilha ġimgħa taħt osservazzjoni minħabba l-ksur li sofriet, partikolarment fin-naħa tad-dahar.
Kien l-Erbgħa tal-ġimgħa li għaddiet (22 ta’ Jannar) meta Claudia Chessa, ta’ 18-il sena, waqgħet mill-gallarija tal-lukanda fejn kienet flimkien mal-għarus tagħha.
Fl-Isptar Mater Dei rriżulta li sofriet ġrieħi gravi, kaġun ta’ ksur wara li ġiet fuq tinda ta’ stabbiliment li jinsab taħt din il-lukanda f’Paceville.
L-għarus tagħha, Alessio Lupo, tressaq il-Qorti l-Ġimgħa fejn kien akkużat li beżża’ lit-tfajla tiegħu, li heddidha, li kkaġunalha ġrieħi ħfief u li kellu sustanza illegali. Huwa ammetta u kien immultat €250 u lliberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien 3 snin.
Silvano Chessa, missier it-tfajla, fl-aħħar sigħat kien fl-Isptar Mater Dei viċin bintu – li għadha qed tieħu l-kura.
Jirriżulta li Claudia ġiet f’pajjiżna f’Ottubru biex tistudja l-Ingliż.
//= $special ?>