Lokali

OPINJONI: 12-il sena ta’ korruzzjoni, serq u frodi 

Qabel ħataf il-poter fl-2013 Joseph Muscat kien wiegħed ħafna. Ħalef li kien ser jaħdem favur l-ambjent, li ser juża l-meritokrazija; wiegħed li anki jekk ma taqbilx miegħu ser tkun tista’ taħdem miegħu. Assigura lil kulħadd li kien ser jeqred il-korruzzjoni... u li kellu roadmap lesta għal dan kollu... BIEX ĦADD MA JINSA (3)

minn Joe Azzopardi

Smajtu ħafna bi skandli li komplew iseħħu tul it-tnax-il sena ta’ Gvern Laburista. Skandli bla preċedent li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Joseph Muscat u Robert Abela li llum hu sigriet magħruf li huma sinjuruni kbar.

Skandli fuq kull livell u bla mistħija ta’ xejn li fiċ-ċentru hemm dejjem esponenti ewlenin ta’ dawn il-Gvernijiet Laburisti… Ministri u Segretarji Parlamentari; Chairman u Uffiċjali Eżekuttivi Ewlenin ta’ entitajiet tal-Gvern Laburista… u terzi viċin Kastilja jew viċin ċerti nies b’dellhom tqil.

Wegħduna road-map biex pajjiżna jaqbad rotta ġdida meta fil-verità fil-famużi laqgħat fir-Raba’ Sular kienu qed jaħdmu pjan kif isiru sinjuruni kbar fi ftit taż-żmien biss.

Il-poplu ma jistax jaċċetta dawn il-ħniżrijiet kbar u oxxeni. Il-poplu ma jistax jaċċetta tmexxija minn persuni korrotti li l-uniku interess tagħhom hu li jkomplu jiffangaw akkost ta’ kollox. Qed naraw bħalissa kif qiegħda tiżviluppa l-istorja dwar id-Dikjarazzjoni tal-Assi meta akkost ta’ kollox dawn ma jridux li dawn id-Dikjarazzjonijiet tal-Assi jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra biex ikunu aċċessibbli għal kulħadd u hekk kull min hu interessat – inkluż il-ġurnalisti – ikunu jistgħu jfittxu fihom u janalizzawhom.

Pajjiżna ħaqqu u jixraqlu rotta ġdida; Rotta li tagħti lill-poplu Malti u Għawdxi l-istima li għandu bżonn u treġġa’ lura r-reputazzjoni tajba li pajjiżna tilef. M’hawnx sens ta’ fiduċja. Hawn sens ta’ dwejjaq u staqsu ftit liż-żgħażagħ tagħna kemm kontra qalbhom jixtiequ li jdabbru rashom minn pajjiżna biex jitbiegħdu mill-korruzzjoni, mill-prezzijiet għoljin tal-proprjetà u mill-isfreġji ambjentali.

Iva, dawn tal-Labour qerdu pajjiż.

Anton Refalo

  Għawdxi. Il-Ministru għall-Biedja. ‘Issellef’ ħaġra storika ta’ żmien l-Ingliżi li poġġa ħdejn il-pool tal-villa tiegħu fil-Qala f’Għawdex. Kixef kollox ritratt li poġġa t-tifel tiegħu fuq il-mezzi soċjali.  S’issa la l-Kummissarju Angelo Gafà u l-anqas Heritage Malta ma ħadu passi.  

  Il-Ministru Anton Refalo skomdu ħafna dwar din il-ġebla li tmur lura għal żmien l-Ingliżi u li b’xi mod spiċċat fir-residenza tiegħu fil-Qala, biswit il-pool.

  F’Mejju tal-2022 Anton Refalo kien interrogat mill-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u kien anke msejjaħ mis-Suprintendenza għall-Wirt Nazzjonali. Fi Frar tal-2022 kien żvelat li l-ġebla ta’ żmien l-Ingliżi – bil-marka “VR” minquxa fuqha – tinsab fir-residenza tal-Ministru wara li ibnu ppoża f’ritratt ma’ oħtu quddiem din il-ġebla storika. Minn dakinhar, għaddiet l-elezzjoni u l-Prim Ministru reġa’ poġġa’ lil Anton Refalo fit-tieni Kabinett tiegħu!

  Monumenti ta’ żmien l-Ingliżi li jinsabu madwar pajjiżna huma protetti bil-Liġi għax huma meqjusin bħala Wirt Nazzjonali.

Madankollu, għall-Ministru Għawdxi dan kollu jidher li qisu xejn mhu xejn, hekk kif lanqas irid jispjega lill-poplu jekk jaħsibx li hu denju li membru tal-Kabinett ikun interrogat fuq ksur ta’ Liġi bħal din jew almenu jekk hux se jirriżenja mill-kariga sakemm inaddaf ismu.

Riċentement ingħad li din il-ġebla ta’ valur storiku kienet ritornata lill-Istat!

Ian Borg

  Grazzi għal din il-gazzetta Il-Mument, fl-2014 Ian Borg kien fl-aħbarijiet dwar għalqa ta’ nofs tommna li kien xtara f’Santa Katarina, limiti ta’ Ħad-Dingli, għal €11,700 bit-taxxi nklużi.

L-art, li sakemm inbiegħet kienet tintuża għall-agrikoltura, inxtrat mingħand Anthony Scicluna ta’ 68 sena.

  Anthony Scicluna huwa persuna vulnerabbli li jbati minn mard mentali, li biegħ l-art lil Ian Borg wara li nħareġ għal tmiem ta’ ġimgħa ta’ xorb.

  Ian Borg kien għamel libell lil gazzetta bl-Ingliż dwar artiklu fuq dan l-iskandlu.

Skont il-Qorti, ix-xhieda li ta Ian Borg fil-kawża kienet meqjusa bħala ‘mhux kredibbli.’

  L-Awtorità tal-Ippjanar kienet ħarġet il-permessi biex Ian Borg jibni swimming pool fuq l-art li xtara. Il-Qorti tal-Appell kienet iddeċidiet li l-permess ma kienx ġustifikat. Il-bini tas-swimming pool kien dikjarat illegali għal darbtejn mill-Qorti.

  Dakinhar Ian Borg kien żbalja bl-ikrah… anki dwar il-kwistjoni tal-ġurament li kien ħa!

Electrogas

  L-għajta tal-Labour qabel l-elezzjoni tal-2013 kienet il-bini ta’ power station ġdida li tkun taħdem bil-gass. Il-kuntratt għall-bini tal-impjant ingħata lill-konsortzju Electrogas li kien jinkludi kumpanija minn Malta, il-Ġermanja u l-Ażerbajġan.

Fl-2016 kien żvelat li l-ftehim kien korrott u kien jinvolvi ħlasijiet illeċiti lil uffiċjali tal-Gvern Laburista. Il-kuntratt kien iffirmat bla ma ġew osservati proċeduri normali.

  Joseph Muscat flimkien maż-żewġ sieħba tiegħu Konrad Mizzi u Keith Schembri marru l-Ażerbajġan apposta biex jiffirmaw il-kuntratt għax-xiri ta’ gass mingħajr ebda uffiċjal pubbliku preżenti.

  Il-kuntratt kien iffirmat ma’ Socar tal-korrott President Alijev. Socar jixtru gass mis-suq miftuħ u jbigħuh lill-Electrogas bi prezz iffissat ħafna ogħla. Bħalissa hemm għaddejja inkjesta maġisterjali.  

Johann Grech

  Il-Kummissarju għal Films magħruf għall-infiq bla rażan ta’ flus pubbliċi. Johann Grech nefaq €8 miljun biex kienu organizzat żewġ serati tal-Golden Bee Awards.

Għll-okkażjonijiet stieden patafjun nies fis-settur tal-films, atturi u ġurnalisti, li kollha ġew Malta b’titjiriet first class u qagħdu f’lukanda ta’ ħames stilel.

Johann Grech ta €47 miljun lill-produtturi tal-film Gladiator II. Johann Grech huwa wkoll attur part-time li nefaq €500,000 għal filmat qasir ta’ għaxar minuti li fih jaħdem parti ċkejkna hu wkoll.

Neville Gafá

  Qabel l-elezzjoni tal-2013 Neville Gafà kien assistent f’ħanut tal-ottika fil-Belt Valletta. Eżatt wara l-elezzjoni ngħata xogħol mal-Gvern l-ewwel fl-Uffiċċju ta’ Joseph Muscat jaħdem ma’ Keith Schembri u wara fil-Ministeru tas-Saħħa ma’ Konrad Mizzi.

  Neville Gafà ftit kien magħruf sakemm kien implikat fi ħruġ ta’ visas mediċi għal pazjenti Libjani.  Neville Gafà kien jixxaħħam mhux talli jagħti visas lil pazjenti li kienu jeħtieġu trattament, imma lil Libjani li ma kellhomx bżonn kura medika u li kienu ġew rifjutati visa meta applikaw.

  Skont sorsi Libjani wħud minn dawn kienu kriminali li spiċċaw sparixxew fiz-zona Schengen tal-Unjoni Ewropea. Numru ta’ nies xehdu f’każ ta’ libell li Neville Gafà  għamel lil Malta Independent, li Neville Gafà  kien talabhom €2,500 għall-visas u wara kien offrilhom eluf ta’ ewro biex ma jitkellmux.

Il-Malta Independent kienet irrapportat li uffiċjal tal-Gvern kien qed idaħħal €150,000 kull xahar u li kien ‘hemm irċevuti ta’ €35,000 maħruġa f’isem Neville Gafà.’

  Uffiċjal tas-sigurtà Libjan xehed li “huma serqu flus mingħand tfal li qatt ma rċevew il-visa medika. Uħud minn dawn flimkien ma’ adulti mietu minħabba li ma ħadux il-kura.”

Neville Gafà  tilef żewġ kawżi kontra l-gazzetta.

Appartamenti soċjali fis-Siġġiewi

  Attentat ta’ Roderick Galdes biex jixtri voti lejliet l-elezzjoni għall-MEPs u Kunsilli Lokali tas-sena l-oħra, meta ordna lill-Awtorità tad-Djar tqassam appartamenti li kien għadhom nofs leħja.

  L-Oppożizzjoni ħadet il-każ il-Qorti li ddikjarat li dan kien illegali u ordnat li ċ-ċwievet jingħataw kollha lura.

  Il-Pulizija taħt Anglu Gafà ħadet passi kontra dawk li ħadu l-appartamenti iżda mhux fil-konfront ta’ Roderick Galdes jew l-ufficjali tal-Ministeru tiegħu. 

  Roderick Galdes jibqa’ magħruf fost sħabu bħala l-Ministru li jinvesti ħafna fil-proprjetajiet… f’Malta, f’Għawdex u lil hinn minn xtutna… fosthom fi Sqallija u anki fl-Ingilterra.

Il-frodi ta’ miljuni mil-LESA 

 Inkjesta Maġisterjali ġiet ordnata mill-Qorti biex tinvestiga allegazzjoni ta’ skema frawdolwenti li nkixfet mill-Avukat Jason Azzoopardi.

  L-inkjesta qed tinvestiga krimini mwettqa minn uffiċjali għolja tal-LESA. L-iskema immanipulat is-sistemi ta’ informazzjoni tat-teknoloġija tal-aġenzija biex jiġu trasferiti ċitazzjonijiet tat-traffiku ta’ sewwieqa Maltin lil turisti li kienu krew karozzi waqt li kienu fuq vaganza f’Malta.

  Il-ħatja kif imsemmija huma Svetlik Joseph Flores, CEO tal-LESA; u Neville Camilleri, uffiċjal tal-LESA u Kunsillier f’isem il-Partit Laburista f’Raħal Ġdid.

Skandlu rmiġġi f’Għawdex

  Għandha tinfetaħ Inkjesta Maġisterjali dwar l-iskandlu ta’ tixħim u li ddentifika lill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u lil martu Deborah fost is-suspettati f’dan l-iskandlu.

  L-Avukat  Jason Azzopardi li għamel din it-talba, spjega li fil-bidu ta’ Settembru li għadda, hu ġie avviċinat minn numru ta’ persuni fosthom uħud impjegati fil-Ministeru għal Għawdex u oħrajn fit-Transport Malta, u tawh “informazzjoni ċara, kredibbli u konkreta dwar skandlu ta’ tixħim fil-ħruġ tal-postijiet tal-irmiġġi ġewwa l-Port tal-Imġarr, Għawdex”.

Clayton Bartolo, Clint Camilleri u Amanda Muscat

L-awturi tal-aħħar skandlu tal-Gverna Laburista. Clayton Bartolo, il-Ministru tat-Turiżmu ta promozzjoni lill-maħbuba, issa mara, tiegħu Amanda Muscat minn segretarja privata għal konsulent fil-Ministeru tat-Turizmu b’żieda ta’ eluf ta’ ewro fil-paga.

  In-nies bdiet titkellem u allura bi sħab mal-ħabib tiegħu Clint Camilleri, il-Ministru għal Għawdex, intlaħaq ftehim biex Amanda Muscat tingħata l-post ta’ konsulent fil-Ministeru ta’ Għawdex fejn reġgħet żdiedet fis-salarju li issa laħaq €70,000 fis-sena.

  Amanda Muscat qatt m’għamlet xogħol jew qatt kienet preżenti fil-Ministeru f’Għawdex imma baqgħet tagħmilha ta’ Segretarja ta’ Clayton Bartolo.

  Wara investigazzjoni mill-Kummissarju għall-Istandard sab li ż-żewġ Ministri kienu abbużaw mill-poter tagħhom meta taw kuntratt lil Amanda Muscat għal xogħol li hi ma kenitx kwalifikata li tagħmel.

  Wara li qam agħa fost il-pubbliku, Clayton Bartolo talab skuża u Robert Abela qal li l-apoloġija kienet biżżejjed. Ftit wara nqalgħet biċċa korruzzjoni oħra fejn instab mill-FIAU li Amanda Muscat ħadet €50,000 f’tixħim wara kumpanija marbuta maċ-ċiklist Valerio Agnoli ngħatat kuntratt mill-Awtorità tat-Turiżmu.

  Robert Abela stenbaħ u keċċa lil Clayton Bartolo minn Ministru u mill-Grupp Parlamentari. Clint Camilleri għadu jisfida u ma rriżenjax. Angelo Gafà għadu ma ħa l-ebda azzjoni. 

Jean Paul Sofia

  Iż-żagħżugħ ta’ 21 sena li miet sentejn ilu meta bini f’Kordin li kien fih waqa għalkollox f’temp ta’ ftit sekondi. L-art kienet inkriet minn INDIS (kumpanija li tikri art tal-Gvern lill-industrija) lil Allplus Limited.

  Is-sidien huma Kurt Buhagiar u Matthew Schembri.  Kurt Buhagiar huwa uffiċjal tal-Awtorità tal-Artijiet waqt li Matthew  Schembri ngħata mal-25 kuntratt mill-Gvern għal xogħlijiet minn stallazzjonijiet ta’ arja kundizzjonata sa twaqqiegħ ta’ bini perikoluż.

  Il-Pulizija arrestaw ħamsa minn nies wara inkjesta magisterjali. Omm Jean Paul kienet talbet għal inkjesta pubblika li Robert Abela baqa’ jiċħad li ssir għal xhur wara li qal li Isabelle Bonnici kienet għamlet kampanja sħiħa biex titwaqqaf l-inkjesta.

  Wara protesti kbar mis-soċjetà ċivili, Robert Abela kellu jċedi u nħatret inkjesta pubblika.  

Marigold Foundation

  Il-Fondazzjoni Marigold twaqqfet mill-Bank of Valletta f’2014 bħala parti mir-responsabbiltà soċjali tal-Bank.

Il-BOV għażel lil Michelle Muscat, mart il-korrott Joseph Muscat, bħala ċ-Chairperson. Billi l-Fondazzjoni kienet tal-Bank, il-BOV taha €100,000 kull sena.

  Mill-ewwel deher li Marigold Foundation kienet Michelle Muscat Foundation. Ħafna mill-attivitajiet għall-ġbir ta’ fondi kienu jsiru f’Kastilja, il-Girgenti u Villa Francia.

  Fl-2015 Marigold bdiet torganizza ‘sfida tal-għawm għaċ-Chairperson’ b’ħafna pompa, iżda ftit wara nkixef li d-distanzi li kienet tgħum iċ-Chairperson kienu kollha fażulli.

  Minkejja li l-Fondazzjoni twaqqfet fl-2014, l-ikbar ammonti ta’ donazzjonijiet saru bejn l-2017 u l-2019 wara li Michelle Muscat akkwistat il-Marigold għal €100,000.

  L-MFSA tatha €200,000 oħra waqt li l-Malta Gaming Authority tatha €170,000.

  Jobplus, Gozo Channel, il-Malta Council for Science and Technology u bosta Ministeri oħra kollha raw kif għamlu u taw donazzjonijiet.

  Nofs il-flus mogħtija bħala donazzjonijiet intużaw għar-reklamar, avvenimenti u amministrazzjoni. 

  Probabbilmnet ħafna minn dawn l-ispejjeż kienu safar ta’ Michelle Muscat u s-segretarja tagħha.      Michelle marret Brussels, Zurich u anki New York. Tul erba’ snin l-ispejjeż (mhux magħrufa) kienu ta’ iktar minn €365,000.