Lokali

OPINJONI: Tliet fronti ta’ attakk fuq il-Gvern

ll-persuna injuranta li rmiet il-ktieb 'Il-Gaġġa' ffirmat minn Karmen Mikallef Buħaġar lanqas il-valur sentimentali tal-ktieb għall-skola (jew għall-komunità tas-sorijiet) ma qieset! Daqshekk sirna għandna kallu f'qalbna!

minn Mark A. Sammut Sassi

Korruzzjoni

Jekk dan mhux l-aktar gvern korrott li qatt rat Malta, tal-anqas hu fost l-aktar korrotti. Jum wara jum nistenbħu filgħodu għal xi każ ġdid ta’ tixħim, korruzzjoni, kospirazzjonijiet għal teħid ta’ flus pubbliċi, kollużjoni, frodi… id-dizzjunarju kollu tal-imġiba politika ħażina.

Privatament, ħafna nies kolti qegħdin jgħiduli li forsi Malta lanqas messha ħaditha l-indipendenza. Għax meta jaraw il-livell baxx li niżlet fih il-politika Maltija, jibdew jiddubitaw hawnx il-ħiliet meħtieġa f’Malta biex inkunu pajjiż indipendenti, bir-responsabbiltajiet kollha li ġġib l-indipendenza.

Fis-snin 60 tas-seklu l-ieħor, li kolonja ssir indipendenti kien ifisser ukoll li laħqet livell biżżejjed għoli ta’ ċiviltà li tista’ tmexxi lilha nnifisha. Meta jkun hawn min irid jieħu l-poter politiku biex “jitħanżer” għax għalih il-poplu “Ġaħan”, verament jitqanqlu d-dubji dwar jekk il-pajjiż huwiex ċivilizzat jew għadux semi-barbaru.

Inkompetenza

Front ieħor ta’ attakk huwa l-inkompetenza ta’ bosta mill-ministri u segretarji parlamentari. Kif ma nixbax ngħid, ma rridx ninftiehem li qed ngħid li kull min hu fil-Kabinett hu inkompetenti, għax dan żgur mhux il-każ. Hemm ftit ministri u segretarji parlamentari li jafu x’inhuma jagħmlu.

Imma mbagħad għandek għadd ferm akbar li jew mitlufin jew m’għandhomx idea jonkella qegħdin biss biex jaqdu lill-kostitwenti ħalli jerġgħu jitilgħu fl-elezzjoni li jmiss. Il-politiku li jaħdem biss għas-siġġu u mhux għall-poplu hu ċarlatan.

Xi kultant hu diffiċli tifhem jekk ministru huwiex inkompetenti jew korrott. Jien konvint li mhux kull ministru li jgħaffeġ hu korrott. Hemm uħud minnhom li jgħaffġu għax inkompetenti. Din hi raġuni minnhom għaliex l-inkjesti maġisterjali huma tant importanti. Importanti għax jiswew ta’ għarbiel – biex jintgħażlu l-inkompetenti mill-korrotti.

Kemm il-korrotti u kemm l-inkompetenti mhux posthom imexxu ministeru. Imma l-inkompetenza tikkastigaha b’reshuffle jew bit-tneħħija mill-kariga. Il-korruzzjoni, bil-ħabs.

Viżjoni mċajpra

Fl-aħħar nett, dan hu Gvern b’viżjoni mċajpra. Ikkunsidraw biss żewġ kustjonijiet bħala eżempji tal-viżjoni mċajpra ta’ dal-Gvern.

1. Il-futur tal-popolazzjoni ta’ Malta. Issa qed nisimgħu tgemgim min-naħa tal-Gvern li jrid jistabbilizza l-popolazzjoni ta’ dal-gżejjer.

Dan xi jfisser? Li ma jiġux aktar ħaddiema Ażjatiċi jew li dawk li ġew s’issa, f’daqqa waħda b’xi miraklu jiġu integrati?

Jekk mhux se jiġu aktar ħaddiema Ażjatiċi, għaliex? Se jibdew jiġu minn bnadi oħrajn? M’għandniex bżonn aktar ħaddiema barranin? L-ekonomija se tibqa’ tikber?

Jekk l-Ażjatiċi li ġew s’issa se jkollhom jintegraw, hemm mandat elettorali għal żvilupp radikali bħal dan? Kif għedt drabi oħra, li xi ħadd Malti jiżżewweġ lil xi ħadd Ażjatiku – dik hi għażla personali li lkoll nirrispettawha. Imma l-Gvern iġib ammonti kbar ta’ nies minn etniji differenti ħafna minn tagħna, u jimponihom fuq il-poplu – din hi għażla nazzjonali li fil-verità tammonta għal inġinerija soċjali. Din teħtieġ studji serji u fil-fond, u fuq kollox, mandat elettorali. Daċ-ċaqliq etniku d-dittaturi biss għamluhom: Mussolini fl-Italja (Alto Adige) u Stalin fl-Unjoni Sovjetka (fir-Repubbliki tal-Asja Ċentrali, pereżempju). Fil-Latvja, ngħidu aħna, ir-Russifikazzjoni ħalliet problemi kbar ta’ tensjonijiet soċjali li għadhom jikkankraw sal-lum.

2. It-tagħlim tal-ilsna. Il-Gvern qata’ qalbu li lill-istudenti Maltin iħeġġiġhom jistudjaw aktar mill-Ingliż?

Dan iqajjem żewġ kunsiderazzjonijiet oħra.

L-ewwel kunsiderazzjoni: l-Ingliż ta’ Malta hu Ingliż ċaflangu. Ftit f’Malta jafu jitkellmuh sew l-Ingliż. Saqsu lil min tridu kemm jużaha l-kelma Ingliża għal “pala tal-knis”, u jekk jużawx il-kelma Ingliża “hoity-toity”.

Malajr tintebħu li l-Ingliż ta’ Malta hu Ingliż fqir. Isimgħu lill-Maltin kif jgħidu “zero” u “zoo” u mill-ġdid tintebħu kif f’Malta l-Ingliż hu ċaflangu.

It-tieni kunsiderazzjoni: iż-żgħażagħ tagħna ma jafux jitkellmu la l-ilsna tal-ġirien tagħna (it-Taljan u l-Għarbi) u lanqas tal-qawwiet ekonomiċi Ewropej (il-Franċiż u l-Ġermaniż). Jekk xi ħadd jaħseb li din hi viżjoni lingwistika tajba għall-ekonomija tagħna fit-tul, dax-xi ħadd jaqbillu jnaqqas il-konsum tal-ħaxixa jew drogi oħrajn li qed jagħmel użu minnhom.

Pastażata

Għadhom kif qaluli li minn skola partikolari rmew għadd ta’ kotba, fosthom ktieb (l-ewwel edizzjoni) ta’ missieri, Il-Gaġġa, iffirmat b’dedika mill-isbaħ minn Karmen Mikallef Buħaġar.

Min rema dal-ktieb wera livell ta’ injoranza s-t-r-a-t-o-s-f-e-r-i-k-a. (M’iniex inwaħħal fil-Gvern fuqha din! Il-Gvern ma jistax jeħel ta’ kollox! Din hi kustjoni ta’ injoranza grassa.

Sirt naf b’dax-xempju mill-paġna tal-Facebook tal-pubblikatur tal-ewwel edizzjoni ta’ Il-Gaġġa, il-Klabb Kotba Maltin. Il-fundatur ta’ dik id-dar tal-pubblikazzjoni, il-mibki Pawlu Mizzi, kien ferm kburi li Il-Gaġġa kien l-ewwel rumanz tal-KKM.

Imma aktar importanti mill-fatt li Il-Gaġġa hu meqjus fost l-aqwa rumanzi bil-Malti u li kien l-ewwel ktieb fis-sensiela KKM, hu l-fatt li dil-kopja partikolari kellha d-dedika ta’ Karmen Mikallef Buħaġar (1922-2005).

Jien mas-Sinjorina Mikallef Buħaġar iltqajt darba, fl-1986, meta l-papà tiegħi flimkien ma’ oħrajn organizzaw serata f’ġieħ Dun Karm. Kienu ħadu sehem il-kor Għawdxi Laudate Pueri, b’kant mill-isbaħ tal-innijiet li kitbilna l-poeta nazzjonali, u kien ta diskors twil u erudit Ġużè Cardona. (Lili, ta’ tifel li kont, kien raqqadni!)

L-imħabba ta’ Karmen Mikallef Buħaġar għal Dun Karm u għall-Malti kienet bla qies. Tat flus kbar għall-kawża tal-ilsien Malti. Għal hekk biss, it-tifkira tagħha jixirqilha l-akbar qima.

Imma dik il-kopja fiha sinifikat ieħor. Is-Sinjorina Mikallef Buħaġar jidher li kienet irregalat dik il-kopja lill-iskola bħala “tifkira għażiża għall-jiem sbieħ li għaddiet fosthom 2-8.11.71.” Jiġifieri l-persuna injuranta li rmiet dil-kopja lanqas il-valur sentimentali tal-ktieb għall-iskola (jew għat-tmexxija tagħha) ma qieset! Daqshekk sirna għandna kallu f’qalbna!

U għal dal-kallu, iva, inwaħħal fil-Gvern! Gvern li jitkellem favur l-abort, l-ewtanasja, u r-rimi bl-addoċċ tal-ħajja bilfors hu ħati li għen biex jitrabba kallu f’qalb in-nies. Din mhix dinja sabiħa fejn ma hemm l-ebda sentiment ta’ rispett fejn ir-rispett hu mistħoqq. Din hi dinja ta’ nies li bil-mod il-mod qed isiru slavaġ. Imma mhux is-slavaġ nobbli ta’ Rousseau – dawn huma s-slavaġ koroh ta’ Hobbes.