Żagħżugħ li qed jiffaċċja l-estradizzjoni lejn l-Istati Uniti abbuża mid-droga biex jimmedika lilu nnifsu minn ansjetà soċjali “estrema”, semgħet il-Qorti l-Ħamis. Dan irriżulta hekk kif komplew il-proċeduri fil-konfront ta’ Daniel Joe Meli, li huwa mfittex mill-awtoritajiet Amerikani talli allegatament wettaq illegalitajiet fuq id-dark web għad-dannu tal-Istati Uniti.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, semgħet lill-psikjatra Peter Muscat, li ra lil Meli bejn Marzu u Ġunju tal-2023. Iż-żagħżugħ li dak iż-żmien kellu 27 sena kien ġie riferut lilu wara li sofra minn attakk minħabba li kien qed jabbuża mill-mediċini bir-riċetta.
Qal li Meli kien qed jieħu dożi kbar wisq ta’ ‘clonazepam’, li kien ġie preskritt lilu biex jikkura d-disturb ta’ ansjetà soċjali “estrema” tiegħu. Huwa kien uża l-mediċina preskritta lilu ħafna qabel iż-żmien u ma ngħatax aktar biex jieqaf mid-droga.
Waqt l-ewwel sessjoni tagħhom, Muscat qal li kien ċar li Meli kien ansjuż, disturbat u inkwetat ħafna dwar l-affarijiet u li ordnalu medikazzjoni differenti biex jikkura l-ansjetà tiegħu. Madankollu, meta mbagħad ra lil Meli qallu li kien waqaf jieħu l-mediċina għax kellha xi effetti sekondarji ħżiena.
Waqt dik is-sessjoni, Meli qal ukoll li pprefera ma jiltaqax man-nies u evita kull interazzjoni soċjali, u ammetta li kien beda l-methadone u qed iħossu xi ftit aħjar. Muscat irrakkomanda mediċini alternattivi oħra lil Meli li jistgħu jittrattaw l-ansjetà tiegħu u wara li kien irriċerkahom, l-akkużat deher interessat, iżda fl-aħħar mill-aħħar, dan ma wassluh imkien.
L-aħħar darba li rah, Muscat qal li l-affarijiet marru għall-agħar għal Meli. Huwa kellu xi jgħid ma’ ommu u qal li ħass li kellu bżonn iżid id-doża tiegħu ta’ methadone. Waqt din is-sessjoni, tkellmu dwar kif l-akkużat kien ħass ansjetà qawwija ħafna minn meta kellu mill-inqas 15-il sena, bil-kundizzjoni kienet ilha miegħu għal aktar minn 10 snin f’dak il-punt.
“Qalli li qatt ma kellu ħbieb, dejjem kien maqtugħ minn ħaddieħor u sabha diffiċli biex jaħdem. Qal li abbuża mid-droga biex jgħin lilu nnifsu fis-sitwazzjoni li kien għaddej minnha,” tenna Muscat. Waqt li żied li kien emmen dak li qallu Meli li huwa minnu.
Muscat qal li mill-interazzjonijiet tiegħu ma’ Meli u l-ġenituri tiegħu, kien ċar li l-ansjetà kienet qed tħalli impatt profond fuq ħajtu. “M’għandi l-ebda dubju li minn età żgħira sofra minn ansjetà soċjali u ħa d-droga biex jimmedika lilu nnifsu. Huwa ħa kemm seta’ biex jipprova jnaqqas is-sintomi tiegħu.”
Muscat kien ta appuntament ieħor lil Meli għax-xahar ta’ wara, iżda l-akkużat ma żammx mal-appuntament. Il-prosekuzzjoni staqsiet jekk il-kundizzjonijiet ta’ Meli kellhomx impatt fuq il-kapaċità tiegħu li jkollu ċarezza sħiħa dwar l-azzjonijiet tiegħu, Muscat wieġeb li ma kienx.
Meli oriġinarjament kien qabel li jiġi estradit lejn l-Istati Uniti iżda aktar tard irtira l-kunsens tiegħu. L-avukati tiegħu argumentaw li l-Qorti tal-Maġistrati ma kinitx ivverifikat jekk kienx medikament f’saħħtu u kapaċi jifhem id-deċiżjoni tiegħu.
Appell kontra l-estradizzjoni ta’ Meli ġie miċħud iżda aktar tard il-liġi nbidlet, u ppermettiet lill-persuna mfittxija jkollha ħin adegwat biex tiddeċiedi dwar it-talbiet għall-estradizzjoni. Il-każ imbagħad mar lura quddiem il-qrati.
Is-Supretendent Mario Cushieri u l-Ispettur Robinson Mifsud qed imexxu l-prosekuzzjoni. L-avukati Franco Debono u Arthur Azzopardi qed jirrappreżentaw lil Meli.
//= $special ?>