Lokali

“Qed titneħħa l-aħħar għodda fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u qed tiġi garantita l-impunità għall-korrotti” – Repubblika

Repubblika fi stqarrija spjegat ir-reazzjoni inizjali invista tal-istqarrija tal-gvern tal-lum dwar l-intenzjonijiet tiegħu dwar kif isiru l-inkjesti, b’din l-organizzazjoni tgħid li meta l-gvern jippublika l-emendi, hi ser tistudjahom fid-dettall  u tirreaġixxi fid-dettall.

Repubblika qalet li l-intenzjoni tal-gvern li jneħħi għal kollox l-utilità tad-dritt taċ-ċittadini li jitolbu inkjesta tal-maġistrat minkejja li dan id-dritt wassal għall-prosekuzzjoni ta’ każi gravi ta’ korruzzjoni inkluż il-bejgħ tal-isptarijiet. Bit-tibdil li jrid jagħmel il-gvern din il-prosekuzzjoni ma kinitx tkun possibbli.

1. Il-gvern qed jgħid li qabel ikollhom aċċess għall-qrati iċ-ċittadini jridu l-ewwel imorru għand il-pulizija u ma jkunux jistgħu jaġixxu qabel jgħaddu sitt xhur. Il-pulizija hi fergħa tal-gvern u taqa’ taħt il-ministri tal-gvern. Kif esperjenzajna sew f’pajjiżna f’dawn l-aħħar għaxar snin il-pulizija ripetutament irrifjutat li tinvestiga u taġixxi dwar gran-korruzzjoni. L-aċċess taċ-ċittadini għall-ġudikatura kien iħallina nappellaw lil fergħa li hi kostituzzjonalment indipendenti mill-gvern biex tħares il-liġi anke meta jiksruha uffiċjali għolja tal-gvern. Bil-friża fuq l-aċċess għall-ġudikatura, se jkun ifisser li l-kriminali se jkollhom sitt xhur żmien biex jaħbu l-provi u l-maġistrati mhux se jkunu jistgħu jippreservaw il-provi sakemm nistennew dawn is-sitt xhur jgħaddu.

2. Il-proċess li qed jiddeskrivi l-gvern wara li jgħaddu s-sitt xhur hu fl-ewwel lok biex jeżamina għalfejn il-pulizija m’aġixxewx, mhux biex jibda l-inkjesta li tkun ilha x-xhur tistenna biex tibda. Dan hu identiku għall-proċess li jeżisti diġà fejn individwi jistgħu jisfidaw lill-pulizija quddiem il-qorti għax ma aġixxewx fuq denunzja. Dan l-eżami mill-qorti tal-imġieba tal-pulizija hu dewmien ieħor li qed joħloq il-gvern qabel tkun tista’ tibda indaġni dwar allegati reati li jkun ilhom magħrufa mill-anqas sitt xhur, biex jagħti aktar ċans lill-kriminali jevitaw il-ġustizzja jekk xi darba tqum tfittixhom.

3. Il-gvern qed jgħid li fit-talba għal investigazzjoni li trid issir l-ewwel lill-pulizija, iċ-ċittadini jistgħu jissottomettu biss provi li jkunu ammissibbli fil-qorti. Il-ġbir tal-provi ammissibbli hu x-xogħol tal-investigazzjoni u wara tal-inkjesta mitluba. Huma l-pulizija li jagħmlu l-investigazzjoni u l-maġistrat li jagħmel inkjesta li għandhom il-poter skont il-liġi jiġbru provi ammissibbli: bil-poter tal-arrest u tas-sekwestru li ebda ċittadin ordinarju m’għandu jew ma jista’ jkollu. Indizju ta’ reat waħdu ma jwassalx għall-ħtija ta’ xi ħadd. Imma għandu – kif inhu sal-lum – iwassal għal indaġni serja u jekk u meta jinstabu l-provi, jinġabru u jintużaw fi proċess fil-qorti li jiddetermina l-innoċenza jew il-ħtija ta’ xi ħadd. Meta l-pulizija jitolbu inkjesta llum ma jmorrux għand il-maġistrat bi provi ammissibli l-qorti, imorru bis-suspett raġjonevoli ta’ reat sakemm jibdew l-investigazzjonijiet u tibda l-inkjesta. Il-gvern qed jimponi test ogħla – u li hu intenzjonalment impossibbli li jintlaħaq – fuq iċ-ċittadini ordinarji.

Repubblika qalet li milli tista’ tifherm minn dak propost mill-gvern, qed titneħħa l-aħħar għodda fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u qed tiġi garantita l-impunità għall-korrotti. Bħal m’għandna liġijiet, suppost kontra l-korruzzjoni, għall-protezzjoni tal-whistleblowers u għal-libertà tal-informazzjoni li huma magħmulin biex ma jaħdmux, issa se tiżżarma wkoll l-effettività tal-liġi dwar id-dritt taċ-ċittadini li jitolbu inkjesti maġisterjali.

Hu ċar allura li l-istat Malti għadu aktar minn qatt qabel maħtuf minn mafja, organizzazzjoni kriminali li l-iskop ewlieni tagħha hu li jiggarantixxi lill-kriminali membri tagħha l-impunità meta jisirqu u ebda istituzzjoni tal-istat ma jibqgħalha l-kapaċità tiqfilhom.

Repubblika innutat b’sogħoba li għal darb’oħra l-gvern injora talbiet ripetuti għal konsultazzjoni pubblika u daħħal miżura rigressiva kontra d-demokrazija li kellna. Intennu l-appell tagħna għal konsultazzjoni effettiva li hi xi ħaġa mistennija f’demokrazija li għadu jixirqilha dak l-isem.