Lokali Qorti

Raġel akkużat li qatta’ kadavru u poġġih f’bagalja issa qed jiġi mixli wkoll bi qtil

Andres Leonardo Gamboa Duran, li jinsab akkużat li qatta’ ġisem u poġġih f’bagalja, ġie mixli wkoll b’omiċidju fl-istess każ.

Il-Ħamis komplew il-proċeduri fil-konfront tal-Kolombjan ta’ 43 sena quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima bil-prosekuturi issa qed jakkużawh bil-qtil ta’ Raoul Eduardo Rei, li l-fdalijiet tiegħu nstabu f’bagalja li kienet mormija fil-baħar.

Duran wieġeb mhux ħati tal-akkuża. Duran qal lill-investigaturi li kien qatta’ l-katavru ta’ Rei wara li sabu mejjet f’appartament tal-Imsida. Waqt is-seduta, surġent tal-pulizija kkonferma dak li diġà ntqal fil-Qorti bil-miftuħ, jiġifieri kif il-bagalja kienet instabet minn żewġt itfal fuq ‘paddle boat’ li ħaduha lejn ix-xatt u kif il-Pulizija kienu marru fuq il-post meta membri tal-pubbliku fetħuha u ssuspettaw li kien fiha fdalijiet umani.

Il-bagalja nstabet minn żewġ minorenni fiz-zona ta’ Manoel Island, bl-akkużat baqa’ jinżamm arrestat akkużat b’ħabi ta’ katavru fost l-oħrajn u issa mixli b’omiċidju. Kienu dawn uħud mid-dettalji xokkanti li rriżultaw fil-Qorti meta tressaq Kolumbjan ta’ 43 sena, b’rabta mas-sejba makabra ta’ raġel barrani, li nstab imqatta’ biċċiet f’bagalja, fix-Xatt ta’ Tas-Sliema, nhar it-Tnejn, 9 ta’ Diċembru.

Il-Qorti ġiet ippreżentata wkoll bi stħarriġ fotografiku tal-kontenut ta’ żewġ appartamenti fl-Imsida rilevanti għall-każ. Il-Maġistrat iddeċiedit li hemm biżżejjed evidenza prima facie biex Duran jitpoġġa taħt att ta’ akkuża.

Duran inqabad mill-Pulizija wara tfittixja fuq jumejn. Meta tressaq inizjalment, il-Pulizija ma ressquhx b’akkużi ta’ qtil peress li ma kienx ċar kif Rei miet. L-awtopsja kkonkludiet li l-vittma aktarx mietet fgata, għalkemm ma kinitx definittiva.

L-ebda dettalji ma ġew kondiviżi fil-Qorti dwar kif il-fehma tal-Pulizija kien Duran li allegatament qatel lil Rei, madankollu, l-Ispettur tal-Pulizija Kurt Colombo Zahra mistenni jixhed dwar in-natura tal-investigazzjoni waqt is-seduta li jmiss fit-13 ta’ Marzu.

L-Ispetturi Wayne Camilleri u Kurt Zahra megħjuna mill-Avukati Dejan Darmanin u Kaylie Bonnett f’isem l-AĠ, qed imexxu l-prosekuzzjoni. Għal Duran dehret l-Avukat Yanica Barbara Sant.