Lokali

Robert Abela jipproponi li jekk ċittadin irid jitlob għal ftuħ ta’ Inkjesta Maġisterjali imur għand il-Kummissarju

Jallega li fl-Inkjesta Vitals il-Ġudikatura proċediet fil-konfront ta’ Fearne u Scicluna minkejja allegati nuqqasijiet

Issa konfermata. Il-Gvern ta’ Robert Abela ma jridx li ċ-ċittadin jibqa’ jmur jitlob biex tinfetaħ inkjesta maġisterjali quddiem maġistrat imma jrid imur għand il-Kummissarju tal-Pulizija.

Dan hekk kif il-Ħamis waranofsinhar f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Jonathan Attard ġie spjegat li jridu li jekk persuna trid titlob għal ftuħ ta’ inkjesta Maġisterjali issa minflok tmur il-Qorti trid tmur tiftaħ rapport mal-Pulizija.

Sussegwentament tibda investigazzjoni li għandha ddum sa massimu ta’ 6 xhur u la darba min talab għal ftuħ ta’ inkjesta jidhirlu li l-Pulizija m’għamlet xejn jew li m’għamlitx biżżejjed taħt it-tmexxija tal-Kummissarju tal-Pulizija….tappella quddiem Imħallef fil-Qorti Kriminali, li wara twassal għaċ-ċans li sa fl-aħħar din it-talba tasal quddiem Maġistrat.

Mistoqsi mill-ġurnalisti għalfejn m’għamilx konsultazzjoni pubblika fuq suġġett daqshekk delikat, jew jekk hux qed jikkunsidra li jgħamilha – il-Prim Ministru qal li tkellem mal-esperti u ta x’jifhem ċar li mhux se jkun qed jisma’ lill-pubbliku.

Dan ifisser li minkejja li għal aktar minn okkażżjoni waħda l-Kummissarju tal-Pulizija instab li naqas; bħal fil-każ tal-Panama Papers fejn ġie deċiż li ma jitteħdux passi minkejja l-gwida tal-FIAU….jew inkella f’każ li hemm xi uffiċjal tal-Pulizija f’kariga għolja involut, persuna xorta waħda, bla ebda rimedju jew għażla, trid tmur tiftaħ rapport għand il-Pulizija biex titlob għal ftuh ta’ Inkjesta Maġisterjali.

Robert Abela tkellem dwar il-fatt li l-esperti maħtura fl-inkjesti maġisterjali għandhom ikunu ta’ fiduċja u għandha ssirilhom due diligence, tkellem ukoll dwar il-fatt li jekk jinstab li mill-Maġistrat li t-talba għall-ftuħ tal-inkjesta kienet ibbażata fuq qerq, min jitlob għal ftuħ jista’ jiġi mitlub biex iħallas għall-ispejjeż tal-Qorti.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet il-Prim Ministru insista dwar l-innoċenza ta’ numru ta’ persuni li preżentament qed jaffaċċjaw każi l-Qorti, b’mod mill-aktar partikolari l-eks Ministri u Segretarji Permanenti li qed jaffaċċjaw akkużi b’rabta mal-frodi tal-isptarijiet.

Robert Abela insista mingħajr tlaqlieq li Chris Fearne u Edward Scicluna huma innoċenti, madanakollu meta mistoqsi jaħsibx hekk dwar Joseph Muscat….dar bil-kliem, iżda fl-ebda mument ma lissen il-kelma innoċenti.

Abela insista li b’rabta mal-Inkjesta Vitals, kien hemm skont hu numru ta’ żbalji filwaqt li insista li minkejja dawn l-iżbalji l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg xorta mexxiet fil-konfront tal-persuni.