Ma salva ħadd f’inċident li seħħ matul il-lejl tal-Erbgħa u l-Ħamis fejn ajruplan tal-American Airlines u ħelikopter militari baqgħu deħlin f’xulxin waqt li kienu għaddejjin minn fuq ix-Xmara Potamac, f’Washington.
It-traġedja għadha qed tkun investigata u meta magħruf li fuq l-ajruplan, dak il-ħin, kien hemm 64 persuna waqt li l-ħelikopter kien qed iġorr tlett persuni, fosthom il-pilota.
L-inċident, fil-fatt, seħħ meta l-ajruplan u l-ħelikopter, għal raġuni mhix magħrufa, daħlu fuq ir-rotot ta’ xulxin viċin l-Ajruport Internzzjonali ta’ Ronald Reagan.
Bħalissa qed tkompli t-tfittxija għall-vittmi tat-inċident, bl-awtoritajiet inkarigati mir-reazzjonijiet għall-emerġenzi fil-kapitali Amerikana jikkonfermaw is-sejba ta’ mill-anqas 30 katavru. It-tfittxija se tkompli sakemm l-awtoritajiet jirkupraw il-katavri kollha mis-sit tat-traġedja.
Is-Segretarju Amerikan għat-Trasport, Sean Duffy, sadanittant, qal li l-viżibbiltà kienet tajba matul il-lejl partikulari u li l-piloti tal-ajruplan u l-ħelikopter it-tnejn kellhom esperjenza kbira fejn jidħlu titjiriet.
Iżda waqt li ma jidhirx li kien hemm xi problemi li setgħu affettwaw direttament il-proċeduri tat-titjiriet inkwistjoni, l-investigaturi qed janalizzaw ‘ir-raġuni għalfejn il-ħelikopter militari kien għaddej proprju minn dik il-lokalità.’
Fl-istess ħin, il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ikkummenta dwar l-inċident fejn staqsa r-raġuni għalfejn il-ħelikopter ma setax jimmanuvra ‘il hinn minn sitwazzjoni ta’ periklu. Il-Mexxej Amerikan, intant, qed jinżamm aġġornat bl-iżviluppi ta’ din it-traġedja rari għal Washington.
Is-Segretarju Duffy qal li l-ħelikopter, dak il-ħin, kien għaddej b’missjoni ta’ taħriġ u għalkemm l-awtoritajiet kienu qed jistennew aktar informazzjoni mingħand l-Amministrazzjoni Federali għall-Avvjazzjoni, hu saħaq ċar u tond it-twemmin ‘li l-inċident seta’ kien evitat’.
Is-Segretarju Duffy, fl-istess ħin, żvela, waqt konferenza għall-media, li r-rotot – jew flight paths – rispettivi għall-ajruplan u l-ħelikopter ma kenux xi ħaġa straordinarja fir-rigward tal-ispazju tal-ajru fuq Washington.
//= $special ?>