10 persuni ġew mmultati bejniethom is-somma ta’ €16,300 wara li ammettew li kisru l-liġi meta ħadmu bħala ‘security guards’ privati bla liċenzja f’diversi stabbilimenti ġewwa Paceville. Raġel li mpjega disa’ persuni meta kien jaf li dawn ma setgħux jagħmlu xogħol ġie mmultat waħdu €4,800.
Il-Pulizija mid-Distrett ta’ San Ġiljan ressqu lil dawn il-persuni u xlewhom li ħadmu bla liċenzja filwaqt li Stefan Axisa, ammetta li ħaddem lil dawn il-persuni fi kważi l-istabbilimenti kollha tad-divertiment ġewwa Paceville u dan meta l-Pulizija kienet wettqet raid fis-27 ta’ Ottubru tal-2024.
Carmelo Sghendo kien il-Malti l-ieħor li ġie mmultat minħabba li ħadem bla liċenzja u ġie mmultat €1,000. Aleksandar Kovacic kien immultat is-somma ta’ €2,500. Il-persuni l-oħra li ġew immultati mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kienu Aleksandar Bogdanovski li ġie mmultat €2,000 filwaqt li Shenol Shukri, Marjan Nikolovski, Dejan Zdravkovic, Milos Jovanovic u Jonah Joy.
Fil-Qorti ħareġ li ħafna minn dawn kienu liebsin flokk iswed bil-kelma ‘security’ fuq il-flokk. Il-Qorti ordnat li dawn il-multi jridu jitħallsu fuq perjodu ta’ xahrejn. Il-Qorti qalet li l-akkużati se jkunu skwalifikati milli jżommu jew jiksbu tali warrant, liċenzja, permess jew awtorità, għal perjodu ta’ żmien li l-Qorti tqis xieraq skont Artikolu 30 tal-Kodiċi Kriminali.
Il-Qorti qalet ukoll li wara li semgħet lill-persuni akkużati tiddikjara li huma ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom, minkejja li l-Qorti wissiethom bl-aktar mod solenni tal-konsegwenzi legali tal-ammissjoni tagħhom, wara li l-Qorti tagħthom biżżejjed żmien biex jerġgħu jikkunsidraw u l-ammissjoni tagħhom, il-Qorti ma għandhomx alternattiva ħlief li tiddikjarahom ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.
//= $special ?>