Waqt il-Kampjonat tad-Dinja tas-Snooker tal-Amateurs li qed isiru f’Saïdia, il-Marokk, Brian Cini fi spażju ta’ 10 sigħat lagħab darbtejn u ħareġ rebbieħ fiż-żewġ konfronti biex issa avvanza mal-aħħar tmienja għal kwartifinali.
Filgħodu l-avversarju tiegħu f’logħba mill-fażi tal-aħħar 32 kien iż-żgħażugħ Ingliż ta’ 20 sena, Aidan Murphy. Il-Malti fetaħ tajjeb u rebaħ l-ewwel frame iżda Murphy irrisponda bi break u clearance ta’ 91 punt u mill-ewwel ġab il-parità. Mit-tielet frame ‘il quddiem Brian Cini reġa ħa l-kontroll assolut tal-logħba u rebaħ it-tliet frames suċċessivi biex għalaq il-konfront bil-punteġġ ta’ 4-1, bl-iskors ta’ kull frames ikunu; 57-43, 19-107, 66-38, 67-42 u 88-75.
Filgħaxija, fir-rawnd tal-aħħar 16, Cini lagħab kontra plejer Ingliż ieħor, din id-darba Daniel Womersley li għandu 33 sena. Cini ma setax ikollu bidu aħjar meta rebaħ l-ewwel żewġ frames filwaqt li fl-ewwel frame wettaq break u clearance ta’ 100 punt. Womersley reġa’ daħal sew fil-logħba wara li rebaħ it-tielet u r-raba’ frame biex ġab il-konfront parzjalment fi draw ta’ 2-2.
Fil-bidu tal-ħames frame l-Ingliż rega’ beda tajjeb u fl-ewwel kolpi bena vantaġġ bi break ta’ 42 punt, iżda Cini irrisponda sew u b’mini break ta’ 13 u ieħor ta’ 62 punt, dawwar dan il-frame favurih. Fis-sitt frame Cini reġa’ kien superjuri biex għalaq il-logħba bi skor finali ta’ 4-2, bil-punteggi tal-frames ikunu dawn; 105-13, 67-28, 27-59, 35-61, 75-42 u 71-33.
L-avversarju ta’ Brian Cini fil-kwartifinali issa ser ikun il-Ġermaniż, Umit Dikme li kien elimina lil Aaron Busuttil fir-rawnd tal-aħħar 64. Din il-fażi terġa’ tintlagħab l-aħjar minn seba’ frames u l-logħba.
Il-programm komplet tal-erba’ kwarti finali huwa dan:
Brian Cini (Malta) | vs | Umit Dikme (Ġermanja) |
Mateusz Baranowski (Polonja) | vs | Barry Pinches (Ingilterra) |
Stuart Watson (Ingilterra) | vs | Yang Gao (Ċina) |
Fergal Quinn (Irlanda ta’ Fuq) | vs | Florian Nuessle (Awstrija) |