Edukazzjoni Knisja Lokali

Dun Jean‑Claude Schembri huwa l-Prinċipal il-ġdid tal-iskola tas-Seminarju Minuri tal-Arċisqof

L‑Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Dun Jean‑Claude Schembri bħala l‑Prinċipal il‑ġdid tal‑Iskola tas‑Seminarju Minuri tal‑Arċisqof f’Tal‑Virtù r‑Rabat. Hu qed jieħu post Dun Mark Ellul, li nħatar bħala d‑Delegat il‑ġdid għall‑Edukazzjoni Kattolika, wara 13‑il sena surmast tal‑Iskola tas‑Seminarju Minuri.

Is‑Seminarju Minuri tal‑Arċisqof jilqa’ fih 800 student mill‑ewwel sena tal‑primarja sal‑ħdax‑il sena tas‑sekondarja, u madwar 200 membru tal‑istaff.

Ir-rwol tal‑Prinċipal huwa li jiżviluppa, jippromwovi u jsostni l‑ethos, il‑karattru u l‑identità tas‑Seminarju Minuri tal‑Arċisqof bħala skola Kattolika. Dan isir permezz ta’ edukazzjoni ħolistika lill‑istudenti sabiex ikollhom l‑għodda meħtieġa għall‑kontribut tagħhom fis‑soċjetà. Ir-rwol tal‑komunità kollha fis‑Seminarju Minuri hu li l‑istudenti jirċievu wkoll il‑valuri ispirati mill‑Vanġelu.

Dun Jean‑Claude Schembri twieled fit‑30 ta’ Ġunju 1995. Huwa studja l‑Filosofija u t‑Teologija fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta, fejn kiseb Baċellerat, Master u Liċenzjat fit‑Teoloġija.

Dun Jean‑Claude ġie ordnat saċerdot fit‑8 ta’ Mejju 2021. Matul dawn is‑snin ġie fdat dawn il‑ħidmiet pastorali bħala Viċi Arċipriet tal‑Parroċċa ta’ San Nikola fis‑Siġġiewi, Assistent Direttur taċ‑Ċentru tal‑Vokazzjonijiet, u Chaplain tas‑Seminarju Minuri tal‑Arċisqof u Direttur Nazzjonali tal‑Abbatini Maltin.