Internazzjonali

Gaza: Aktar ostaġġi viċin il-libertà… b’Iżrael se jkompli jeħles il-Palestinjani

Mistenni li, għada s-Sibt, jinħelsu aktar minn fost l-ostaġġi li ilhom mas-sittax il-xahar miżmumin mit-terroristi tal-Ħamas li, fis-7 ta’ Ottubru tal-2023, invadew lil Iżrael u wettqu massakru ta’ nies storiku….Dan kien seħħ ukoll fost il-ħtif tal-għexieren tal-Iżraeljani li t-terroristi kienu ħaduhom magħhom fil-Medda ta’ Gaza.

Fl-aħħar sigħat, l-uffiċjali Iżraeljani konfermaw l-ismijiet ta’ tlett irġiel ostaġġi li proprju għada se jintbagħtu lura lejn Iżrael wara daqstant inċertezza – u skont il-ftehim ta’ jiem ilu għall-iskambju bejn l-ostaġġi u l-priġunieri Palestinjani miżmumin f’Iżrael.

It-tlett ostaġġi huma identifikati bħala Yarden Bibas, Ofer Kalderon, u Keith Siegel l għandu wkoll ċittadinanza Amerikana.

Fl-istess ħin mistenni li Iżrael ikompli jeħles numru ta’ Palestinjani mill-priġunerija – fosthom uħud li sal-aħħar sigħat kienu qed jiskuntaw il-ħabs għal għomorhom għal reati li kienu swew il-ħajja tal-Iżraeljani.

Sadanittant. Iżrael ma kkummentax għar-rapporti li qed jinħelsu wkoll ‘it-terroristi’ flimkien mal-Palestinjani li setgħu damu ‘iż-żejjed’ fi stat ta’ priġunerija.

Inħelsu mal-400 Palestinjan mindu l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u l-Ħamas dażal fis-seħħ, fid-19 ta’ Jannar. U l-iskambju tallum ( bejn l-istaġġi u l-priġunieri) se jkun ir-raba’ proċess ta’ dan it-tip minn dakinar ‘il hawn.

Nhar il-Ħamis, il-Ħamas kien ħeles tmien ostaġġi bi tpartit ma’ 110 priġunier Palestinjan, iżda l-Iżraeljani esprimew rabja għall-mod kif inħelsu l-ostaġġi – bħala parti minn proċess fejn uħud minnhom dehru f’periklu huma u għaddejjin minn qalb il-folol tal-militanti f’Gaza.

Dan waqt li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, insista mal-medjaturi responsabbli mill-ftehim biex il-Ħamas jiggarantixxi s-sigurtà tal-ostaġġi kollha waqt dawn il-proċessi ta’ skambju.