Lokali

Gvern ġdid Nazzjonalista jnaqqas it-taxxa fuq in-negozji – Bernard Grech iżur il-fabbrika tal-GSD

“Partit Nazzjonalista fil-Gvern ser inaqqas it-taxxa għan-negozji għaliex jemmen fihom. U għalhekk l-importanza ta’ dawn iż-żjarat… sabiex nibqgħu dejjem man-nies.”

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta l-Ġimgħa filgħodu għamel żjara fil-fabbrika tal-General Soft Drinks Ltd fejn flimkien ma’ delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista tkellem mat-tmexxija tal-kumpanija u anke ma’ bosta ħaddiema f’diversi xogħlijiet varji.

Preżenti mal-Kap tal-PN kien hemm ix-Shadow Minister għall-Finanzi Graham Bencini, ix-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg,Shadow Miniser għall-Infrastruttura Joe Giglio, is-Shadow Minister għall-Enerġija Ryan Callus u x-Shadow Minister għall-Ekonomija Jerome Caruana Cilia.

F’kumment li ta lil Net News, Bernard Grech stqarr kemm huma importanti laqgħat bħal dawn sabiex il-PN ikompli jibni l-politika tiegħu fuq il-bżonnijiet tan-negozji u tal-ħaddiema li huma s-sinsla tal-ekonomija ta’ pajjiżna.

Hu stqarr kif Partit Nazzjonalista fil-Gvern jassigura tnaqqis fit-taxxa – anke b’rati inqas jekk il-kumpaniji jħaddnu valuri soċjali, ambjentali, u ta’ governanza tajba.

Tkellmet ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanijja General Soft Drinks, Maria Micallef, li saħqet li zjarat bħal dawn huma importanti sabiex id-diffikultajiet li huma jsibu jiġu diskussi ma’ dawk li jilleġiżlaw. Dan filwaqt li rringrazzjat lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista taż-żjara tiegħu.