Lokali

Ħidma proattiva favur il-lokalità tas-Siġġiewi

Accept Analitiċi cookies to view the content.

Is-Sindku tas-Siggiewi Julian Borg insista li din il-lokalità se jkollha spazji u infrastruttura ġdida mhux biss għar-residenti tas-Siġġiewi iżda wkoll dawk li jinqdew minn din iz-zona.

Partikolarment il-bypass, Triq Monsinjur Mikiel Azzopardi – arterja traffikuża li grazzi għall-inizjattiva tal-Kunsill, u l-proattività tiegħu, se jkunu qed jintużaw fondi lokali biex din il-bypass tkun aktar sigura u komda għaċ-ċittadini.

Net News tkellem mal-Perit tal-proġett Matthew Briffa li spjega li grazzi għall-kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali u Infrastructure Malta se jkun hemm it-taħwil ta’ aktar siġar, passaġġi għar-roti, aktar spazju ta’ parkeġġi u link li toffri sigurtà u s-serħan il-moħħ minn Ħaż-Żebbuġ saz-zoni rurali tas-Siġġiewi.

Is-Sindku tas-Siġġiewi Julian Borg spjega wkoll dwar l-importanza ta’ dawn il-fondi lokali, iżda insista dwar il-bżonn li l-kunsilli jkollhom ir-riżorsi huma nfushom sabiex ikunu jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet huma.

Huwa tkellem fuq proġetti oħrajn fosthom ix-xogħol li preżentament għaddej fi Triq Dun Manwel Zammit, bil-għan li l-persuni jkunu jistgħu jaqsmu t-triq b’aktar serħan il-moħħ. Dan filwaqt li tkellem dwar il-proġett li l-Kunsill għandu f’moħħu… u qal li diġà beda jkellem lir-residenti dwaru, dak tal-Pjazza.

Borg spjega li fl-aħħar xhur l-attività kummerċjali fil-pjazza tas-Siġġiewi kompliet tikber u għaldaqstant jeħtieġ azzjoni sabiex in-nies jibqgħu jgawdu minn dan l-ispazju mill-isbaħ fil-qalba tal-lokalità

Il-Perit Matthew Briffa ddeskriva dan il-proġett pilota bħala wieħed tant għal qalbu, partikolarment għax hu stess huwa mis-Siġġiewi. Huwa insista li dan il-proġett bħala wieħed li se jkun qed jagħti ħajja, u jorganizza, il-Pjazza tal-lokalità.